Jum il-Ħelsien ifakkar mument kruċjali fl-istorja ta’ Malta, meta pajjiżna temm l-użu tiegħu bħala bażi militari Ingliża u kiseb il-libertà sħiħa tiegħu. Fil-31 ta’ Marzu 1979 telqu l-aħħar bastimenti Ingliżi minn Malta, ġrajja li tibqa’ mnaqqxa bħala pass importanti lejn is-sovranità nazzjonali.
Biex jitfakkar dan l-anniversarju, qed jiġu organizzati diversi attivitajiet. Is-Sibt 28 ta’ Marzu 2026, fil-11:00am, se ssir parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Matul din il-wirja, il-banda taħt id-direzzjoni tal-Kaptan Twanny Borg se tesegwixxi kompożizzjonijiet lokali u diversi marċi akkumpanjati minn formazzjonijiet koreografiċi. Il-parata tagħlaq bl-eżekuzzjoni tal-biċċa ‘Lil Malta f’Jum il-Ħelsien’.
Nhar it-Tlieta 31 ta’ Marzu 2026, Jum il-Ħelsien, l-attivitajiet jibdew fid-9:30am b’marċ mill-istess banda li jitlaq minn Pjazza Pawlino Vassallo f’Bormla u jgħaddi minn diversi toroq sal-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
Iċ-ċerimonja prinċipali tibda fl-10:00am bil-wasla tal-President ta’ Malta, fejn tingħata s-salut nazzjonali. L-ogħla awtoritajiet jitilgħu fuq l-Għolja tal-Ħelsien fejn jindaqq l-Innu tal-Ħelsien, segwit minn tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument u t-tmiem uffiċjali bl-Innu Nazzjonali.
Il-festi jagħlqu waranofsinhar bir-Regatta Tradizzjonali fil-Port il-Kbir, li tibqa’ waħda mill-aktar avvenimenti popolari marbuta ma’ din il-ġurnata storika.








