Il-grupp 4Teenth Productions għal darb’oħra qed jippreżenta produzzjoni oriġinali u innovattiva għall-Ġimgħa Mqaddsa. Dan il-grupp ilu għal dawn l-aħħar tnax-il sena joffri esperjenzi teatrali differenti, u fil-fatt l-ewwel produzzjoni tagħhom kienet “Passjoni f’Xelter” – spettaklu f’forma ta’ walkthrough f’xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Ħal Qormi. Din is-sena, il-grupp qed jiċċelebra l-għaxar edizzjoni b’produzzjoni ġdida bl-isem “Imwarrba”.
“Imwarrba” tirrakkonta l-istorja tar-Rabbi ta’ Nazaret, li għalkemm ma jidher qatt direttament fix-xena, jibqa’ l-qalba u l-protagonist ewlieni tal-ġrajja. L-iskritt jitfa’ dawl fuq mistoqsijiet profondi: min kien imwarrab, x’warrbu u kif waslu għal dan? Dawn il-mistoqsijiet jorbtu ma’ diversi karattri u emozzjonijiet bħall-għira, il-biża’ u l-interess personali.
Il-produzzjoni tieħu lill-udjenza lura aktar minn elfejn sena, f’mument meta l-liġijiet, il-prinċipji u s-sens ta’ ġustizzja ġew imwarrba biex jitwettaq il-pjan kontra r-Rabbi. Naraw kif saħansitra l-liġijiet sagri tal-Lhud ġew injorati, u kif il-verità u l-loġika ġew sagrifikati. Fuq kollox, din hija storja ta’ mħabba li ġiet mibjugħa għal tletin biċċa tal-fidda.
Madankollu, fil-qalba ta’ din l-istorja nsibu wkoll lil Miriam, Omm ir-Rabbi, li tibqa’ soda fil-fidi tagħha u timxi wara Binha fit-triq tat-tbatija, minkejja li oħrajn warrbuh fil-mumenti diffiċli.
L-għan ta’ din il-produzzjoni mhuwiex biss li toffri spettaklu teatrali, iżda li tħeġġeġ lill-udjenza tirrifletti fuq it-tifsira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, u kif permezz tagħhom il-bniedem ġie mifdi u reġa’ sab triqtu lejn Alla. L-esperjenza ssir f’ambjent intimu li jpoġġi lill-udjenza qrib ħafna tal-azzjoni u tal-karattri.
B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u l-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri, din l-esperjenza immersiva ta’ madwar 30 minuta se tittella’ f’xelter qrib il-Knisja ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi. L-ispettakli se jsiru nhar l-Erbgħa tat-Tniebri u Ħamis ix-Xirka (1 u 2 t’April) minn 8:00pm ‘il quddiem kull nofs siegħa, kif ukoll nhar il-Ġimgħa l-Kbira (3 t’April) mid-9:00am sa nofsinhar.
Il-produzzjoni hija miktuba u diretta minn Renzo Bonello. Il-biljetti għall-1 ta’ April jistgħu jiġu rriżervati minn qabel, filwaqt li għal dati oħra jinħarġu fuq bażi “first come, first served” mill-entratura. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lill-organizzaturi fuq 79093503 jew 79790605.
4Teenth Productions huwa grupp teatrali volontarju mwaqqaf minn erbatax-il persuna li jaqsmu passjoni komuni għall-arti, u li tul is-snin baqa’ jwassal messaġġi qawwija permezz tat-teatru.














