Nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu 2026, il-Konferenza Episkopali Maltija, il-Kummissjoni tal-Patrimonju Kulturali Kattoliku u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ffirmaw memorandum ta’ qbil importanti. Dan il-ftehim jistabbilixxi b’mod aktar ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull entità fil-protezzjoni u r-regolamentazzjoni tal-wirt ekkleżjastiku skont l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.
Il-ftehim jinkludi kull tip ta’ patrimonju marbut mal-Knisja, bħal knejjes, kappelli u oġġetti reliġjużi, kemm dawk fissi kif ukoll dawk mobbli. L-għan ewlieni tiegħu hu li jsaħħaħ il-ħarsien ta’ dan il-wirt permezz ta’ kollaborazzjoni aktar effettiva bejn il-partijiet involuti.
Dan il-memorandum huwa mibni fuq komunikazzjoni kontinwa u ftehim komuni li dawn il-beni kulturali mhumiex biss oġġetti, iżda parti minn tradizzjoni ħajja. Il-partijiet kollha qed juru impenn biex jipproteġu dan il-wirt kemm fil-forma tiegħu konkreta kif ukoll f’dik spiritwali, sabiex jibqa’ jiġi apprezzat u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.










