Ir-riċerka u l-innovazzjoni qed ikomplu jsaħħu l-pedament tal-Viżjoni Malta 2050, kif ġie enfasizzat waqt l-ewwel konferenza nazzjonali ddedikata għall-fiżjoterapija. Din l-inizjattiva qed turi b’mod ċar kif investiment f’evidenza xjentifika jista’ jwassal għal kura aħjar tal-pazjenti u titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, indirizza l-konferenza “Celebrating Maltese Physiotherapy: Advances in Clinical Practice”, organizzata b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fi ħdan il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta.
Din il-konferenza, li qed issir għall-ewwel darba, tirrappreżenta pass importanti għall-professjoni, billi toffri spazju fejn riċerka minn studenti tal-Masters u PhD tiltaqa’ ma’ esperjenza akkademika u klinika. L-għan hu li l-għarfien miksub mill-istudji jitwassal direttament fil-prattika, biex jibbenefikaw minnu l-pazjenti.
Fl-intervent tiegħu, Azzopardi Tanti spjega li r-riċerka qed tgħin biex Malta timxi lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Huwa sostna li filwaqt li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ importanti, il-fokus għandu jkun ukoll fuq il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja, li fihom il-fiżjoterapija għandha rwol kruċjali, speċjalment fil-ġestjoni tal-mard kroniku u l-promozzjoni tas-saħħa.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija, Dr John Xerri De Caro, enfasizza l-bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni bejn l-akkademja u s-settur kliniku, sabiex ir-riċerka tkun aktar rilevanti u effettiva fil-prattika ta’ kuljum.
Matul il-konferenza ġew ippreżentati diversi proġetti innovattivi, fosthom għodod diġitali għall-anzjani, l-użu tar-realtà virtwali fir-riabilitazzjoni, u studji fuq kura preventiva li jistgħu jnaqqsu l-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa.
Din l-inizjattiva turi kif il-Gvern u l-Università ta’ Malta qed jaħdmu flimkien biex jiżguraw li r-riċerka Maltija mhux biss tlaħħaq mat-tendenzi internazzjonali, iżda wkoll tkun fuq quddiem nett, filwaqt li ssaħħaħ il-fiżjoterapija bħala pilastru importanti għall-futur u l-produttività tal-pajjiż.










