Għawdex se jkun qed jospita laqgħa importanti tal-Kumitat Eżekuttiv tal-International Island Games Association fir-rebbiegħa tal-2027, wara deċiżjoni unanima li ttieħdet minn din l-organizzazzjoni.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri laqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon kbir, u sostna li din hija turija ċara ta’ fiduċja fil-potenzjal sportiv tal-gżira. Huwa qal li Għawdex huwa onorat li se jilqa’ avveniment ta’ dan il-livell, li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fix-xena sportiva.
Il-Ministru fakkar fl-investiment sostanzjali li sar f’dawn l-aħħar snin, fosthom il-bini tal-Padiljun Sportiv u Akwatiku li jinkludi pixxina Olimpika u faċilitajiet moderni oħra. Skontu, dawn l-iżviluppi għenu biex Għawdex jitpoġġa fuq il-mappa sportiva internazzjonali.
Huwa żied li fl-2027 Għawdex se jospita wkoll il-kompetizzjonijiet tan-netball u tat-triathlon fil-qafas tal-Logħob tal-Commonwealth taż-Żgħażagħ, filwaqt li dixxiplini oħra se jsiru f’Malta.
Minn meta sar membru tal-International Island Games Association fl-2022, Għawdex diġà ħa sehem f’żewġ edizzjonijiet tal-logħob – f’Guernsey fl-2023 u f’Orkney fl-2025 – u bħalissa qed jipprepara għall-edizzjoni li jmiss fil-Gżejjer Faroe fl-2027.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li din id-deċiżjoni hija pass ieħor importanti biex Għawdex jersaq aktar viċin li fil-futur jospita edizzjoni sħiħa tal-International Island Games.










