Hospice Malta fetħet spazju ġdid fuq barra maħsub biex joffri aktar serenità u appoġġ lill-pazjenti u l-qraba tagħhom. Dan l-ambjent, imdawwar b’ġonna u btieħi miftuħa, joħloq atmosfera ta’ kalma fejn il-pazjenti jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom b’livell ta’ privatezza u trankwillità.
Il-proġett sar possibbli permezz ta’ fondi mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS), imħaddem mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, b’investiment ta’ €20,000 li kopra għamara essenzjali għall-ġnien bħal siġġijiet, mwejjed u bankijiet.
Għall-inawgurazzjoni attendew il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
Hospice Malta tkompli toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ kura palljattiva fil-gżejjer Maltin. Il-faċilitajiet f’St Michael Hospice jinkludu terapija ta’ matul il-jum, 16-il sodda għall-pazjenti, kliniċi u servizzi ta’ fiżjoterapija, psikoloġija u appoġġ soċjali, emozzjonali u spiritwali, flimkien ma’ spazji miftuħa li jikkumplimentaw l-esperjenza tal-kura.
Fil-messaġġ tagħha, il-Ministru Julia Farrugia enfasizzat li f’mumenti sensittivi fil-ħajja, il-kwalità tal-kura u d-dinjità tal-persuna għandhom ikunu prijorità assoluta. Hija qalet li dan il-proġett mhux biss investiment finanzjarju, iżda wkoll sinjal ta’ kompassjoni u rispett lejn dawk l-aktar fil-bżonn.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo rringrazzja lil Hospice Malta għall-impenn kontinwu tagħhom fis-soċjetà u awguralhom aktar suċċess fil-ħidma tagħhom fil-futur.












