Il-Knisja Kattolika f’Malta qed tħejji biex tfakkar l-aktar ġranet importanti tas-sena liturġika: il-Ġimgħa Mqaddsa; b’serje ta’ ċelebrazzjonijiet solenni li jfakkru l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu.
Il-bidu ta’ dawn il-ġranet jiġi mmarkat minn Ħamis ix-Xirka filgħodu bil-Quddiesa tal-Griżma, li ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Din hija ċelebrazzjoni importanti mmexxija mill-Arċisqof flimkien mas-saċerdoti kollha tad-djoċesi, fejn jiġġeddu l-wegħdiet tas-saċerdozju u jitbierku ż-żjut li jintużaw fis-sagramenti tul is-sena.
Filgħaxija ta’ Ħamis ix-Xirka jibda uffiċjalment it-Tridu tal-Għid, bil-quddiesa tat-Tifkira tal-Ikla tal-Mulej. Din tfakkar l-Aħħar Ċena, fejn Ġesù waqqaf l-Ewkaristija u s-Saċerdozju. Parti sinifikanti minn din iċ-ċelebrazzjoni hija l-ħasil tas-saqajn, simbolu ta’ servizz u umiltà. Wara, l-Ewkaristija tittieħed proċessjonalment lejn l-artal tar-ripożizzjoni, fejn il-fidili jinġabru għall-adorazzjoni u t-talb.
Il-Ġimgħa l-Kbira hija jum ta’ ġabra u riflessjoni profonda fuq il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu. Il-funzjoni prinċipali, magħrufa bħala l-Azzjoni Liturġika, issir waranofsinhar u tinkludi l-qari tal-Passjoni, it-talb universali u l-qima tas-salib. F’dan il-jum, il-Knisja ma tiċċelebrax il-quddiesa, iżda l-fidili jitqarbnu b’ostji kkonsagrati l-jum ta’ qabel.
Is-Sibt filgħaxija jiġi ċċelebrat il-Vġili tal-Għid, meqjus bħala l-aktar lejl qaddis tas-sena. Din il-liturġija tibda bit-tberik tan-nar u l-mixgħela tal-blandun, simbolu ta’ Kristu dawl tad-dinja. Il-funzjoni tkompli bil-qari mill-Iskrittura, il-Liturġija tal-Magħmudija u fl-aħħar l-Ewkaristija, fejn il-fidili jiċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu.
Il-qofol jasal nhar Ħadd il-Għid, meta l-Knisja tiċċelebra b’ferħ kbir il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Din il-ġurnata tfakkar it-twelid mill-ġdid spiritwali tal-bniedem u t-tama li ġġib magħha r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt.
Il-Ġimgħa Mqaddsa tibqa’ ċ-ċentru tal-fidi Nisranija, fejn il-komunità Nisranija mhux biss tfakkar dawn il-ġrajjiet, iżda tgħixhom mill-ġdid b’fidi u devozzjoni.
Ara l-programm kollu hawn taħt:








