Il-Mużew Il-Ħaġar fir-Rabat, Għawdex qed jissaħħaħ bħala spazju modern u adattat għall-konferenzi u l-avvenimenti, grazzi għall-iskema MICE Restoration Scheme. Dan il-pass ifisser aktar opportunitajiet ekonomiċi, aktar viżitaturi ta’ kwalità u attività mifruxa matul is-sena kollha.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura r-rinnovar tal-Mużew u Ċentru Kulturali Il-Ħaġar “Heart of Gozo”, li issa joffri ambjent aktar modern, sigur u mgħammar b’teknoloġija avvanzata. Dan jagħmilha possibbli li l-post jintuża għal esperjenzi professjonali u ta’ livell għoli.
Il-Ministru sostna li dan l-investiment juri kif il-kollaborazzjoni bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet lokali tista’ twassal għal proġetti konkreti li jagħtu valur lil Għawdex. Huwa saħaq li l-għan huwa li tissaħħaħ mhux biss il-ħajja kulturali, iżda wkoll li jinħolqu opportunitajiet ġodda fis-settur tal-MICE, billi Għawdex ikompli joffri esperjenzi ta’ kwalità tul is-sena kollha.
Ix-xogħol li sar inkluda titjib fl-infrastruttura, bħal sistemi ġodda tal-arja kondizzjonata u lift modern b’kontroll aħjar tal-aċċess, biex jiżdiedu s-sigurtà u l-kumdità. Ġie installat ukoll tagħmir awdjoviżiv u teknoloġiku avvanzat, inklużi sistemi ta’ streaming, projector u awdjo professjonali, li jippermettu li avvenimenti jintlaħqu kemm minn udjenzi preżenti kif ukoll minn dawk barra minn Malta. Barra minn hekk, sar investiment f’għamara u apparat adattat għal konferenzi, biex il-post ikun aktar flessibbli u professjonali.
Il-Mużew Il-Ħaġar, immexxi mill-Fondazzjoni Belt Victoria, jibqa’ ċentru kulturali importanti li jippreserva l-wirt u l-identità Għawdxija, filwaqt li jġib in-nies flimkien permezz ta’ attivitajiet varji. Sa mill-ftuħ tiegħu fl-2013, sar punt ta’ riferiment kulturali fil-gżira.
Il-proġett kien jinvolvi investiment totali ta’ madwar €37,000, li minnhom aktar minn €18,300 ġew iffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar permezz tal-iskema MICE Restoration Scheme.
Il-Ministru fakkar li din l-iskema tipprovdi sa €50,000 għal proġetti li jtejbu u jimmodernizzaw faċilitajiet f’Għawdex, bil-għan li jattiraw aktar avvenimenti lokali u internazzjonali u jkomplu jsaħħu dan is-settur li qed jikber.
Ritratt: MGP








