Malta ħadet pass ’il quddiem sinifikanti fis-settur awdjoviżiv billi saret waħda mill-ewwel pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-ko-produzzjoni ta’ sensiliet. Dan il-ftehim se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni internazzjonali u jiftaħ aktar opportunitajiet għall-produtturi u l-kreattivi Maltin.
Il-firma saret f’Lille, Franza, waqt il-ftuħ tal-festival Series Mania, fejn Malta kienet fost disa’ pajjiżi li ffirmaw dan l-istrument mill-ewwel.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-pass juri b’mod ċar l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ u jiftaħ l-industriji kreattivi lejn livell internazzjonali. Huwa enfasizza li din il-konvenzjoni se tagħti lill-produtturi Maltin aktar opportunitajiet biex jipparteċipaw f’ko-produzzjonijiet Ewropej u jibbenefikaw minn qafas li jiffaċilita dawn il-kollaborazzjonijiet.
Il-konvenzjoni, adottata fl-2025 mill-Kunsill tal-Ewropa, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha li tiffoka speċifikament fuq sensiliet għat-televiżjoni u l-pjattaformi ta’ streaming. Din tipprovdi regoli ċari dwar kif jiġu rikonoxxuti ko-produzzjonijiet uffiċjali, kif jitqassmu d-drittijiet u l-qligħ, u kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn pajjiżi differenti. Barra minn hekk, tgħin biex tiffaċilita l-moviment ta’ professjonisti fis-settur.
Il-firma hija biss l-ewwel pass, u issa Malta se tkompli bil-proċess biex din il-konvenzjoni tidħol fis-seħħ fil-livell nazzjonali.
Din l-inizjattiva tkompli tibni fuq l-investiment u l-appoġġ tal-Gvern fis-settur awdjoviżiv, inkluża s-sħubija ta’ Malta ma’ Eurimages, u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-pajjiż fl-ambjent awdjoviżiv Ewropew.
Il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’isem Malta mill-Ambaxxatur Pierre Clive Agius.








