Il-qawmien ta’ Kristu jibqa’ l-qalba tal-fidi Nisranija, mument li fih Ġesù rebaħ il-mewt u d-dnub meta qam mill-mewt fit-tielet jum wara l-passjoni u s-salib.
F’dan l-ispirtu ta’ ferħ u tama, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun se terġa’ torganizza l-manifestazzjoni tant mistennija “Il-Mixja tal-Glorja”. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, meta ġiet inawgurata l-istatwa sabiħa ta’ Kristu Rxoxt maħduma mill-artist Emanuel Grech, din is-sena l-attività terġa’ tieħu ħajja b’parteċipazzjoni mill-Personaġġi Bibliċi u tfal bil-parċmini.
Il-manifestazzjoni se tkun akkumpanjata mill-Banda Immakulata Kunċizzjoni flimkien mal-Banda Musicale Madonna delle Grazie minn Termini Imerese u wkoll il-Komunità Ndjana. Din se ssir nhar it-12 ta’ April, fl-Ottava tal-Għid il-Kbir, fil-festa tal-Ħniena Divina. Il-purċissjoni tibda fid-9.30 ta’ filgħodu mill-ex Liceo, Kulleġġ San Ġorġ Preca, u tgħaddi minn diversi toroq ewlenin tal-Ħamrun sakemm tasal fil-pjazza prinċipali.
Meta l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt tasal quddiem il-Każin tal-Immakulata Kunċizzjoni, se jitkanta għall-ewwel darba l-innu ġdid “Rebbieħ Fuq il-Mewt”, b’kliem ta’ Anselm Sciberras u mużika tas-Surmast Ray Sciberras, interpretat mill-kantanta Cherise Spiteri. L-attività se tkun ikkompletata b’show żgħir ta’ karti u duħħan minn fuq il-bejt tal-każin bħala tislima xierqa lil Kristu Rxoxt.
Din is-sena se jiġu inawgurati wkoll xogħlijiet ġodda, fosthom l-induratura tal-istatwa u tal-isħaba maħduma minn Robert Fenech, kif ukoll pedestall ġdid ta’ Mario Ghigo. Wara li s-sena li għaddiet dehru għall-ewwel darba tmien palji, din id-darba se jiżdiedu wkoll żewġ pavaljuni li se jintramaw quddiem il-knisja.
Lejlet il-manifestazzjoni, is-Sibt 11 ta’ April, il-Banda Musicale Madonna delle Grazie minn Termini Imerese se tippreżenta kunċert bl-isem “Con Maria all’Alba della Risurrezione” fil-knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, li jibda fis-7.15 ta’ filgħaxija u jkun jinkludi innijiet Marjani.
L-għaqda qed tħeġġeġ lill-pubbliku Malti u Għawdxi biex jattendi bi ħġaru u jingħaqad f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid. Għal min se jattendi, il-parkeġġ fl-ex Liceo, Kulleġġ San Ġorġ Preca, se jkun disponibbli bla ħlas.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali ta’ Facebook tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun.
Il-President u l-membri tal-kumitat jagħmlu l-awgurju tagħhom lil kulħadd għal Għid Qaddis mimli bil-barka ta’ Kristu Rxoxt.










