Illejla, waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet, l-Isqfijiet ta’ Malta se jamministraw is-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija lil 36 adult li għażlu li jħaddnu l-fidi Kattolika. Dawn is-sagramenti jinkludu l-magħmudija, il-griżma u t-tqarbin.
Minħabba n-numru kbir ta’ katekumeni, iċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru f’żewġ postijiet differenti: fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta u fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina.
Il-parteċipanti ġejjin minn diversi pajjiżi madwar id-dinja, fosthom Malta, l-Albanija, l-Indja, Spanja, it-Turkija, l-Iran, is-Sirja, l-Ungerija, il-Malażja u l-Mauritius, b’20 minnhom oriġinarjament miċ-Ċina. Dawn kollha temmew il-programm ta’ preparazzjoni meħtieġ biex jidħlu fil-ħajja Nisranija.
Tul ir-Randan, dawn il-katekumeni kellhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu mal-Arċisqof bħala parti mit-tħejjija tagħhom. Wieħed minnhom, Eralvjo Dhoska mill-Albanija, spjega kif il-ħajja tiegħu nbidlet wara li ġie Malta. Hu qal li qabel kien iħoss vojt ġewwa fih, iżda esperjenzi spiritwali li kellu f’postijiet bħal fil-Mosta wassluh biex jibda jfittex aktar dwar il-fidi Kattolika. Flimkien ma’ martu beda jattendi laqgħat u jiskopri aktar mill-Iskrittura, esperjenza li bidlitlu ħajtu.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, tibda fit-8pm u tinkludi diversi mumenti simboliċi importanti, fosthom it-tberik tan-nar u tal-ilma, il-qari mill-Kotba Mqaddsa u l-liturġija tal-Ewkaristija.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, il-katekumeni jitgħammdu bl-ilma mbierek, jirċievu l-Griżma u, għall-ewwel darba, jitqarbnu. Dawn is-sagramenti huma meqjusa bħala l-pedament tal-ħajja Nisranija u jibnu l-mixja spiritwali tal-fidi fil-Knisja Kattolika.










