Hekk kif mill-lejla jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid, dalgħodu fil-qalba ta’ Ħal Balzan ittellgħet inizjattiva sabiħa u mimlija kulur: Siġra tal-Għid fil-pjazza ewlenija, magħrufa bħala s-siġra ta’ taħt il-kampnar.
Din l-inizjattiva, organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan, ġabret flimkien lir-residenti tal-lokalità li taw sehemhom b’entużjażmu billi ddekoraw bajd tal-Għid. Ir-riżultat huwa wirja artistika li tagħti ħajja u ferħ lill-pjazza, u li turi b’mod ċar il-kreattività u t-talent li jeżisti fil-komunità Balzanija.
Il-Kunsill esprima r-ringrazzjament tiegħu lil dawk kollha li kkontribwew, b’mod partikolari lir-residenti li ħadu sehem u taw il-kontribut tagħhom biex din l-inizjattiva ssir suċċess. Ġiet espressa wkoll gratitudni speċjali lejn Daniel Muscat Caruana u Luigi Formosa għall-għajnuna imprezzabbli tagħhom fit-twaqqif u l-organizzazzjoni tas-siġra.
Din is-siġra tal-Għid mhux biss iżżejjen il-pjazza, iżda sservi wkoll bħala simbolu ta’ għaqda, parteċipazzjoni u spirtu komunitarju, filwaqt li tkompli ssaħħaħ it-tradizzjonijiet marbuta ma’ dan iż-żmien qaddis.












