Sit li sa issa kien taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġie uffiċjalment mgħoddi lill-Kunsill Lokali tal-Imqabba b’kera ta’ ħames snin, bil-għan li fil-futur jiġi żviluppat f’sede ġdida għall-istess kunsill.
Dan il-post jinsab fi Triq Karmen Ciantar u jkopri madwar 84 metru kwadru. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill se jkun jista’ jopera minn spazju akbar u aktar adattat, li joffri aċċess aħjar lir-residenti u servizzi aktar effiċjenti għall-komunità.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li dan il-pass juri l-fiduċja tal-Gvern fil-kunsilli lokali, filwaqt li enfasizza l-impenn kontinwu biex dawn jingħataw l-għodda meħtieġa sabiex jaqdu aħjar lill-pubbliku. Huwa spjega kif spazju ġdid bħal dan mhux biss itejjeb is-servizzi offruti, iżda wkoll isaħħaħ ir-rabta bejn il-kunsill u r-residenti.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li l-Gvern qed jiżgura li dawn it-tip ta’ ftehimiet ikunu sostenibbli u ma joħolqux piż finanzjarju żejjed fuq il-kunsilli. Hija żiedet li proġetti bħal dan jgħinu biex ir-residenti jkollhom aċċess għal aktar servizzi f’post wieħed, filwaqt li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet.
Is-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, qalet li dan il-ftehim ġie wara xhur ta’ ħidma u kien meħtieġ biex il-kunsill ikun jista’ jkompli jimplimenta proġetti ta’ ġid għall-komunità. Hija ddeskriviet il-ġurnata bħala waħda importanti ħafna, li se twassal għal impatt pożittiv dirett fuq ir-residenti Imqabbin.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, is-Sindku Grace Marie Zerafa u s-Segretarju Eżekuttiv Valarie Galea.








