Mijiet ta’ tfal flimkien mal-familji tagħhom ingħaqdu fl-attività ‘Enchanted Easter’, organizzata l-għada tal-Għid il-Kbir, f’atmosfera mimlija ferħ, kulur u kreattività.
Din l-inizjattiva ħadet lil dawk kollha li attendew f’dinja maġika ġewwa Villa Francia f’Ħal Lija, fejn it-tfal setgħu jipparteċipaw f’diversi attivitajiet interattivi u divertenti. Matul il-ġurnata, huma kellhom l-opportunità jiddekoraw ħelu tradizzjonali tal-Għid, jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet marbuta maċ-ċikkulata, kif ukoll igawdu mużika u żfin.
L-attività kienet possibbli grazzi għall-impenn ta’ diversi artisti u professjonisti li offrew il-ħin u t-talent tagħhom b’mod volontarju, u b’hekk taw sehemhom biex jinħoloq ambjent ferrieħi għal kulħadd.
Parti importanti minn din l-inizjattiva kienet ukoll il-bejgħ tal-figolli ‘Giolli’, preparati minn Giorgia Mae, bint il-Prim Ministru u Dr Lydia Abela, bl-għajnuna ta’ diversi dulċiera. Id-dħul kollu minn din l-attività se jmur b’risq l-għaqda Puttinu Cares, li tkompli tagħmel xogħol imprezzabbli favur tfal u familji fil-bżonn.
F’messaġġ tagħha, Dr Lydia Abela enfasizzat kif ‘Enchanted Easter’ tirrifletti l-imħabba tal-poplu Malti u Għawdxi lejn it-tradizzjonijiet tal-Għid, speċjalment fost it-tfal. Hija qalet li dawn l-inizjattivi jgħinu biex jitkattar l-immaġinazzjoni u l-entużjażmu taċ-ċkejknin, li huma sors ta’ enerġija pożittiva fis-soċjetà.
Hija temmet billi rringrazzjat lil Puttinu Cares għad-dedikazzjoni kontinwa tagħha, u appellat biex il-pubbliku jkompli jappoġġja l-ħidma tal-għaqda li tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ ħafna familji.
Ritratti: OPM













