Se tittella’ attività speċjali bl-isem ta’ ‘Pet Day’ fil-Belt Valletta, bil-għan li tkompli tqajjem aktar għarfien dwar il-ħarsien u l-benesseri tal-annimali. Din l-inizjattiva hija maħsuba biex tiġbor flimkien familji u s-sidien tal-annimali domestiċi f’ambjent li jgħaqqad divertiment ma’ edukazzjoni.
L-attività se ssir is-Sibt 11 ta’ April fil-Ġnien Hastings, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar. Matul il-ġurnata se jkun hemm diversi stands b’informazzjoni utli dwar kif wieħed jieħu ħsieb l-annimali, flimkien ma’ attivitajiet għat-tfal u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi għall-annimali abbandunati.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif din l-attività tifforma parti minn viżjoni usa’ biex l-annimali jkunu aktar integrati fil-ħajja ta’ kuljum tas-soċjetà Maltija. Hija enfasizzat li, peress li aktar minn nofs il-familji Maltin u Għawdxin għandhom annimal domestiku, huwa importanti li jkompli jissaħħaħ l-għarfien u l-impenn lejn il-benesseri tagħhom.
Hija semmiet ukoll investimenti li qed isiru f’dan il-qasam, fosthom skema li tipprovdi fondi lill-kunsilli lokali biex jiżviluppaw spazji bħal dog parks u cat cafés, bil-għan li jinħolqu aktar postijiet addattati kemm għall-annimali kif ukoll għas-sidien tagħhom.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay stieden lill-pubbliku biex jattendi flimkien mal-annimali tagħhom, u jgawdi nofsinhar mimli attivitajiet f’atmosfera sabiħa u komunitarja.
Din l-inizjattiva tkompli tibni fuq attivitajiet simili li diġà saru, bil-għan li jkomplu jinfirxu madwar Malta u Għawdex u jsaħħu kultura ta’ rispett u kura xierqa lejn l-annimali.








