Għal sena oħra, l-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jorganizza FESTA ĦELU, ġurnata għall-familja kollha b’mod partikolari għat-tfal. Infatti, apparti l-ħelu u ħlewwiet oħra, tul l-attività se jkun hemm logħob u attrazzjonijiet għat-tfal, fosthom rock-climber.
Il-logħob u l-attrazzjonijiet għat-tfal se jkunu kompletament b’xejn. Dan jagħti ċ-ċans sabiex il-ġenituri u kuraturi jieħdu gost li t-tfal jistgħu jagħmlu ħin twil jilgħabu u jiddevertu. Apparti l-logħob għat-tfal, FESTA ĦELU se tkun imżewqa b’divertiment mużikali, maġija u anke d-daqq tal-banda.
”Għal sena oħra, grazzi għal fondi addizzjonali li l-Kunsill Lokali applika għalihom, se nkunu qed nagħtu lill-komunità tagħna u lill-pubbliku ġenerali attività għall-familja kollha b’xejn. Inħeġġeġ mhux biss lill-Kalkariżi iżda lill-pubbliku ġenerali sabiex jattendi u jgħaddi ġurnata fir-raħal sabiħ tagħna. Apparti Festa Ħelu, fil-Kalkara tista’ tmur f’ċentri oħra bħalma huwa l-Esplora li wkoll se jkollu attivitajiet għaddejin wara l-festa tal-Għid. Tkun idea sabiħa li familja tamalgama ħarġa għal ġurnata sħiħa f’raħalna għax għandna x’noffru” – Wayne Aquilina s-Sindku tal-Kalkara.
L-edizzjoni ta’ Festa Ħelu ta’ din is-sena ser titella’ fi Pjazza Sagra Familja u l-madwar. Għaldaqstant il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jipparkja fl-inħawi tal-Esplora jew qrib il-Kunsill Lokali. Id-dħul għall-attività huwa b’xejn filwaqt li jista’ jinxtara ħelu, ikel u xorb.
Din ser tkun il-5 edizzjoni ta’ din l-attività annwali u din is-sena ser titella’ bejn l-10am u l-4pm. Għall-ħin tal-11:30am ser ikun hemm egg-hunt li biex tipparteċipa tista’ tirreġista lit-tfal b’xejn hawnhekk: https://forms.gle/











