Il-Forti Bengħajsa f’Birżebbuġa ġie uffiċjalment fdat lil Heritage Malta, li issa se tieħu ħsieb dan is-sit storiku importanti. Din il-fortifikazzjoni hija magħrufa bħala l-aħħar forti Vittorjan li nbena fil-Gżejjer Maltin, u għandha valur storiku u kulturali sinifikanti.
It-trasferiment tal-art mill-Awtorità tal-Artijiet sar waqt ċerimonja uffiċjali fil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. B’dan il-pass, Heritage Malta issa se tkun responsabbli biex tevalwa l-istat strutturali tal-forti u tippjana kif dan jista’ jinfetaħ għall-pubbliku b’mod sostenibbli.
L-aġenzija mistennija taħdem id f’id mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u ma’ diversi għaqdiet volontarji, inklużi organizzazzjonijiet nazzjonali, sabiex is-sit jiġi mmaniġġjat u attivat għall-ġid tal-komunità.
Il-Ministru Bonnici sostna li dan il-proġett ifisser li l-Forti Bengħajsa, li jkopri madwar 40 tomna, se jerġa’ jingħata lura lin-nies wara snin twal fejn kien mhux aċċessibbli. Huwa enfasizza l-importanza li dan il-wirt jiġi protett u ppreservat, filwaqt li jsir spazju sigur u miftuħ għall-familji u ż-żgħażagħ.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit esprima sodisfazzjon għall-fiduċja murija fl-aġenzija, u saħaq li se tkompli taħdem biex tagħti lura spazji storiċi lill-pubbliku u tirrestawrahom bid-dinjità li jistħoqqilhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella qal li dan it-trasferiment huwa pass importanti biex proprjetà pubblika ta’ valur tintuża kif suppost, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet għal għaqdiet volontarji. Huwa spjega wkoll li l-Awtorità ħadet azzjonijiet kontra okkupazzjoni illegali u kompliet taħdem biex tirregolarizza s-sit, għalkemm għadhom għaddejjin xi proċeduri fil-Qrati relatati ma’ żgumbrament fuq parti żgħira tal-forti.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, iddeskriva dan l-iżvilupp bħala mument storiku għal-lokalità. Huwa qal li l-komunità tħares ’il quddiem biex tara dan l-ispazju jiġi rriġenerat u jitgawda mill-pubbliku, filwaqt li rringrazzja lill-Gvern tal-impenn tiegħu biex il-forti jerġa’ jinfetaħ għal kulħadd.
Fl-aħħar xhur, saru wkoll diversi interventi biex jitneħħew strutturi illegali u jiġu żgumbrati okkupanti mhux awtorizzati, għalkemm fadal xi każijiet pendenti fil-Qrati. Dan kollu qed jiftaħ it-triq biex il-Forti Bengħajsa jingħata ħajja ġdida u jerġa’ jsir parti mill-esperjenza kulturali u soċjali tal-pubbliku Malti.








