Tnieda uffiċjalment il-proġett “MINDS”, inizjattiva ta’ riċerka bijomedika mmexxija mill-Università ta’ Malta, bil-għan li ttejjeb l-għarfien u l-kura tal-kundizzjoni tal-Parkinson’s f’pajjiżna.
Il-proġett, imħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, huwa sostnut b’investiment ta’ €150,000 u jimmira li jqiegħed lil Malta fuq quddiem nett flimkien ma’ ċentri Ewropej ewlenin fil-qasam mediku.
Immexxi mill-Professur Neville Vassallo, dan l-istudju għandu l-potenzjal li jwassal għal għarfien aktar profond tal-kundizzjoni u jiftaħ il-bieb għal żvilupp ta’ trattamenti ġodda, ibbażati fuq riċerka lokali. Fl-istess waqt, jikkumplimenta s-servizzi eżistenti offruti mill-Gvern, fosthom mediċini b’xejn u trattamenti avvanzati bħad-Deep Brain Stimulation.
Fl-intervent tiegħu, Azzopardi Tanti enfasizza li madwar 3,000 persuna f’Malta jgħixu bil-Parkinson’s, u sostna li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-pajjiż biex isaħħaħ is-settur tas-saħħa u l-Life Sciences bħala pilastru ewlieni tal-viżjoni Malta 2050. Huwa żied li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, qed jingħataw opportunitajiet lil riċerkaturi żgħażagħ Maltin biex jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet mediċi innovattivi.
Min-naħa tiegħu, Adrian Casha, ambaxxatur għall-Parkinson’s f’Malta u Deputy Chairman ta’ Step Up For Parkinson’s, qasam l-esperjenza tiegħu u tkellem dwar l-isfidi li jaffaċċjaw il-pazjenti. Huwa saħaq fuq l-importanza tar-riċerka u t-teknoloġija biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja, u esprima t-tama li l-proġett MINDS iwassal għal skoperti ġodda.
Il-Professur Vassallo enfasizza li riċerka bħal din hija kruċjali biex jinftiehmu aħjar il-mekkaniżmi tal-Parkinson’s fuq livell molekulari, pass essenzjali biex jiġu żviluppati trattamenti aktar effettivi u personalizzati.
It-tnedija tal-proġett tiġi fi żmien sinifikanti, hekk kif fil-11 ta’ April jiġi mfakkar il-Jum Dinji tal-Parkinson’s. Dan l-investiment juri l-impenn kontinwu biex jingħata sostenn lill-pazjenti u lill-familji tagħhom, filwaqt li Malta tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru ta’ riċerka u innovazzjoni.










