Il-Parroċċa ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun se tkun qed tirċievi finanzjament mill-Gvern biex isir restawr meħtieġ fil-koppla tal-knisja, f’investiment li jsaħħaħ il-ħarsien tal-wirt reliġjuż u arkitettoniku tal-lokalità.
It-tħabbira saret mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, flimkien mal-Arċipriet Dun Anton Galea-Scannura. Huma spjegaw li l-Gvern se jipprovdi l-għajnuna finanzjarja meħtieġa biex jitwettqu xogħlijiet ta’ tiswija u restawr fil-koppla.
Ix-xogħlijiet se jsiru permezz tal-entitajiet Komunità Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti, filwaqt li se jkun assigurat li matul il-proċess kollu jiġu osservati r-regolamenti kollha marbuta mal-ħarsien tal-wirt kulturali.
Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, mhux biss minħabba d-daqs tagħha iżda wkoll għall-valur storiku u kulturali li għandha. Huwa żied li dan il-proġett jagħmel parti minn investiment usa’ f’knejjes u kappelli madwar Malta, bil-għan li dawn il-binjiet jibqgħu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Min-naħa tiegħu, Byron Camilleri sostna li r-restawr mhux biss jippreserva l-wirt, iżda jġib benefiċċji diretti għall-komunità Żejtunija billi jżomm il-knisja sigura u aċċessibbli. Huwa qal li proġetti bħal dawn isaħħu wkoll is-sens ta’ identità lokali u juru l-impenn tal-Gvern fil-ħarsien tal-wirt nazzjonali.
L-Arċipriet Dun Anton Galea-Scannura laqa’ dan l-investiment b’sodisfazzjon u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ tagħhom, filwaqt li għal din l-okkażjoni kien preżenti wkoll is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius.








