Tnieda proġett pilota ġdid li se jintroduċi sottotitli awtomatizzati għall-aħbarijiet bil-Malti, bħala parti mill-inizjattiva SaqWI – korpus ta’ mistoqsijiet u tweġibiet iffinanzjat mill-AI for Good Lab tal-Microsoft. Dan il-proġett qed jitmexxa miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, flimkien mad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-preżenza tal-lingwa Maltija fid-dinja diġitali.
Is-sistema se tibda tintuża b’mod pilota waqt il-bullettin tal-aħbarijiet tas-6:00pm, fejn is-sottotitli li jinħolqu awtomatikament jiġu riveduti u rfinati qabel ma jixxandru fil-bullettin tat-8:00pm.
Bħala parti minn dan il-proġett, se jinħoloq korpus ibbażat fuq bejn 100 u 150 siegħa ta’ traskrizzjonijiet, bl-użu ta’ materjal awdjo u awdjoviżiv mill-arkivji tal-PBS. Dan jiżgura li d-data tkun marbuta mal-kuntest Malti – inkluż il-kultura u r-realtajiet tal-pajjiż – u mhux sempliċement tradotta minn sorsi barranin.
Sabiex jitwettaq dan kollu, ġie ffirmat ftehim bejn it-TVM u ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, fil-preżenza tal-Ministru Owen Bonnici, li enfasizza kif dan il-pass huwa kruċjali biex il-lingwa Maltija tibqa’ rilevanti fl-iżviluppi teknoloġiċi tal-lum u ta’ għada, filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni.
It-teknoloġija li se tintuża hija dik ta’ Speech-to-Text tal-Microsoft, li tikkonverti diskors f’test miktub permezz tal-intelliġenza artifiċjali. Dan mhux biss se joħloq riżorsa importanti għall-lingwa Maltija, iżda se jgħin ukoll biex tittejjeb din it-teknoloġija fil-futur.
Il-proġett SaqWI u l-introduzzjoni tas-sottotitli huma wkoll parti mill-Viżjoni Malta 2050, b’mod partikolari biex tissaħħaħ il-ħila fil-Malti u jiġi żgurat li l-lingwa nazzjonali tibqa’ attiva u preżenti fit-teknoloġiji diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali.










