Dak li darba kien wieħed mill-aktar siti industrijali emblematiċi f’Malta llum inbidel f’kumpless modern ta’ uffiċji. Il-paġna Kappa Vision ixxerjat informazzjoni interessanti mmens fuq facebook li nnutajna, u ħsibna li ntuha attenzjoni għal iżjed tixrid ta’ informazzjoni dwar il-passat ta’ Malta u niesna.
Il-fabbrika tal-ġelati Wembley, li kienet tinsab fi Triq d’Argens fil-Gżira, twaqqgħet fl-2019 u żviluppat mill-ġdid fil-Wembley Business Centre: simbolu ta’ kif il-wirt industrijali jista’ jinbidel maż-żmien mingħajr ma jintilef kompletament il-karattru tiegħu.
Il-fabbrika oriġinali kienet inbniet fl-1937 mill-perit Antonio Grech Dimech, fuq inizjattiva tal-industrijalist Luke V. Gauci. Il-binja kienet meqjusa bħala waħda mill-aqwa eżempji ta’ arkitettura industrijali ta’ qabel il-gwerra f’Malta, b’influwenza ċara tal-istil Art Deco. Il-faċċata simmetrika tagħha, imżejna b’pilastri li jagħtu enfasi vertikali, kienet tagħti dehra eleganti lil binja relattivament baxxa ta’ żewġ sulari.
Apparti s-sbuħija arkitettonika tagħha, il-Wembley kienet ukoll pijuniera fl-industrija tal-ikel f’Malta. Kienet l-ewwel fabbrika li introduċiet ġelat pasturizzat u ppakkjat minn qabel “mingħajr ma jintmess bl-idejn”, taħt l-isem tad-ditta ‘Wembleys’. Il-prodotti tagħha kienu jitqassmu madwar il-pajjiż kollu permezz ta’ triċikli u karrettuni, u aktar tard b’trakkijiet mgħammra b’sistemi ta’ tkessiħ — innovazzjoni kbira għal dak iż-żmien.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-fabbrika kellha rwol kompletament differenti. Wara li l-produzzjoni tal-ġelat twaqqfet peress li kienet meqjusa bħala lussu, il-gvern rekwiżixxa l-faċilitajiet tagħha. Taħt it-tmexxija ta’ Gauci, il-fabbrika bdiet tipproduċi ikel essenzjali għall-popolazzjoni, inkluż spreads u ġamm magħmul minn ingredjenti lokali, li mbagħad tqassmu permezz tas-sistema tar-razzjonar.
Wara l-gwerra, il-Wembley reġgħet lura għall-produzzjoni tal-ġelat u kompliet tikber, u saret waħda mill-aktar stejjer ta’ suċċess fl-industrija Maltija. Il-fabbrika baqgħet topera għal aktar minn 70 sena, b’Luke V. Gauci jibqa’ involut sa età avvanzata.
Illum, minkejja li l-binja oriġinali m’għadhiex teżisti fil-forma tagħha, parti mill-identità tagħha ġiet ippreservata. Il-faċċata ikonika fl-istil Art Deco ġiet żarmata u mibnija mill-ġdid fiċ-ċentru tal-Wembley Business Centre, li joffri madwar 13,000 metru kwadru ta’ spazju modern fuq tmien sulari.
Din it-trasformazzjoni tirrifletti l-bidliet li għadda minnhom pajjiżna matul is-snin — minn ekonomija industrijali għal waħda aktar ibbażata fuq servizzi — filwaqt li tibqa’ tfakkarna fil-wirt u l-innovazzjoni li sawru l-istorja ekonomika ta’ Malta.








