Tħabbru żewġ inizjattivi ġodda fil-qalba ta’ Raħal Ġdid, li għandhom l-għan li jkomplu jsebbħu u jagħtu ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi tal-lokalità. Dawn jinkludu t-tisbiħ tal-pjazza prinċipali u sistema moderna ta’ dawl għall-Bażilika ta’ Kristu Re.
Ix-xogħlijiet fil-pjazza diġà jinsabu għaddejjin u se jinkludu monument ġdid tal-Gran Mastru Antoine de Paule, flimkien ma’ plakka fil-paviment li tfakkar l-400 sena mit-twaqqif tal-lokalità. Se jiżdiedu wkoll mapep tal-bronż li juru l-iżvilupp ta’ Raħal Ġdid matul iż-żmien, filwaqt li l-funtani eżistenti se jiġu restawrati. Il-pjazza se tkun imsaħħa b’aktar siġar, planters u bankijiet, biex tibqa’ spazju attraenti u funzjonali kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi.
Fl-istess waqt, se jinħareġ tender għal sistema ġdida ta’ dawl għall-bażilika, li ser tenfasizza l-faċċati u l-koppla tagħha, u ttejjeb il-viżibbiltà tagħha minn diversi nħawi. Din is-sistema se tkun mgħammra b’kontrolli moderni, inkluż għażliet ta’ dimming u xeni differenti, li jistgħu jitħaddmu permezz ta’ tablet skont l-okkażjoni, kemm għall-użu ta’ kuljum kif ukoll għal festi u attivitajiet speċjali. Il-proġett huwa mistenni jitlesta fi żmien madwar seba’ xhur minn meta jibda x-xogħol.
Il-Ministru Chris Bonett spjega li dawn il-proġetti huma parti minn ħidma usa’ li ilha għaddejja f’din il-lokalità, b’investiment li jaqbeż il-miljun ewro. Fost il-proġetti li diġà saru jew għaddejjin hemm il-Ġnien Tony Bezzina, kif ukoll xogħlijiet fi Ġnien Pawlu Boffa u Ġnien Silvio Parnis, flimkien ma’ titjib f’toroq u bankini.
Is-Sindku Jason Silvio esprima l-apprezzament tiegħu għal dawn l-investimenti, u sostna li t-tisbiħ tal-pjazza se jkompli jsaħħaħ il-qalba tal-komunità u jtejjeb l-esperjenza ta’ dawk kollha li jgħixu u jżuru Raħal Ġdid.
Ritratti: MTIP













