Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex jgħin persuni li qed jaffaċċjaw problemi ta’ vizzju, billi jżid l-investiment fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni mid-droga u l-alkoħol. L-għan ewlieni hu li aktar nies jingħataw opportunità reali biex ibiddlu ħajjithom għall-aħjar.
F’pajjiżna, dawn is-servizzi jibqgħu jingħataw bla ħlas, fatt li jqiegħed lil Malta f’pożizzjoni distintiva meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fejn tali għajnuna ħafna drabi tkun bi ħlas.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal qed ikompli jinvesti f’organizzazzjonijiet bħas-Sedqa, il-Caritas u l-OASI biex jiġi żgurat trattament u appoġġ kontinwu lil min għandu bżonn.
Riċentement, ġie ffirmat ftehim ġdid mal-Fondazzjoni OASI f’Għawdex, li bħalissa qed toffri programm ta’ riabilitazzjoni lil madwar 12-il resident. Dan il-ftehim jammonta għal €2.3 miljun fuq medda ta’ tliet snin, żieda sostanzjali fuq dak ta’ qabel.
Il-ftehim jinkludi servizzi residenzjali, terapija komunitarja u appoġġ wara t-trattament, filwaqt li jkompli jsaħħaħ ukoll il-prevenzjoni.
Il-Ministru Michael Falzon enfasizza l-importanza li persuni li qed ibatu minn vizzji jfittxu l-għajnuna, u sostna li hemm servizzi effettivi li jistgħu jgħinuhom jerġgħu jibnu ħajjithom. Huwa semma kemm il-ħsara li jġibu magħhom il-vizzji, iżda wkoll l-istejjer ta’ suċċess ta’ dawk li rnexxielhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-OASI, Noel Scerri, faħħar l-appoġġ tal-Gvern u saħaq fuq l-importanza ta’ investiment fit-tul f’dan il-qasam, biex dawn il-programmi jibqgħu jservu bħala pedament għal ħajja ġdida għal min ikun għaddej minn riabilitazzjoni.
Ritratti: MSPC










