Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun organizzat mill-ġdid il-manifestazzjoni “Il-Mixja tal-Glorja” fl-Ottava tal-Għid il-Kbir, fil-jum iddedikat lill-Ħniena Divina.
Din l-edizzjoni rat il-parteċipazzjoni ta’ madwar 70 personaġġ Bibbliku, flimkien mal-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, akkumpanjati mill-banda tal-istess għaqda u mill-banda mistiedna mill-Italja, Madonna delle Grazie minn Termini Imerese. Il-manifestazzjoni bdiet fid-9.30 ta’ filgħodu mill-ex Liceo, il-Kulleġġ San Ġorġ Preca fi Triq Liceo, u għaddiet minn diversi toroq madwar il-parroċċa u l-każin tal-għaqda.
Meta l-istatwa tal-Irxoxt waslet fil-pjazza ta’ quddiem il-każin, inġibed l-attenzjoni b’interpretazzjoni tal-innu ġdid “Rebbieħ Fuq il-Mewt”, b’lirika ta’ Anselm Sciberras u mużika tal-Mro Ray Sciberras, kantat minn Cherise Spiteri.
Din is-sena kienet ikkaratterizzata wkoll minn diversi inizjattivi ġodda, fosthom l-induratura tal-istatwa u l-isħaba, sett ta’ parċmini għat-tfal, konfratiji ġodda għar-reffiegħa u l-forċini, kif ukoll libretti ġodda għall-bandisti. It-tfal li ħadu sehem u dawk preżenti mat-toroq ingħataw ukoll bnadar u ħelu bħala tifkira. Ħadet sehem ukoll il-komunità Indjana, li żiedet dimensjoni kulturali oħra lill-attività.
Barra minn hekk, is-Sibt filgħaxija l-banda mistiedna tellgħet kunċert ta’ innijiet Marjani bl-isem “Con Maria all’alba del Resurrezione”.
Matul iż-żewġ attivitajiet inġabru donazzjonijiet b’risq Alive Foundation, li tappoġġja r-riċerka dwar il-kanċer.
L-organizzaturi diġà ħabbru li t-tielet edizzjoni tal-manifestazzjoni se ssir fl-4 ta’ April 2027.















