Il-messaġġ ta’ bosta, kemm artisti, politiċi u saħansitra l-mexxejja tal-pajjiż, juri kemm Mro Aurelio Belli ħalla legat qawwi mhux biss fil-mużika imma wkoll bil-personalità qawwija. Wieħed mill-messaġġi kien minn Ira Losco; messaġġ mimli niket u emozzjoni kbira, fejn tesprimi kemm tinsab maqsuma qalbha għat-telfa ta’ Aurelio u kemm hu diffiċli għaliha tifhem dak li ġara, wisq iżjed meta trid tagħtih l-aħħar tislima.
Tiddeskrivih bħala raġel eżemplari li kien iħobb lill-familja tiegħu bla qies u dejjem lest biex jgħin lil kulħadd. Tfakkar kemm ħadmu flimkien f’diversi okkażjonijiet, fosthom kunċerti, Rockestra u anke reċentement f’Mużika Mużika, mingħajr ma qatt immaġinat li dik kienet se tkun l-aħħar darba li jaraw lil xulxin u jaqsmu mument ta’ ċajt flimkien.
Ira tisħaq fuq il-passjoni kbira tiegħu lejn il-mużika u t-talent straordinarju li kellu, speċjalment fl-arranġamenti li dejjem kienu jispikkaw. Tiftakar ukoll f’dawk il-mumenti fuq il-palk meta kien iħares lejha u jitbissem, bħallikieku qed jagħtiha kuraġġ u jassiguraha li kollox sejjer tajjeb.
Semmiet ukoll kif, fl-aħħar dehra tagħhom waqt Mużika Mużika, hu deher kburi bihom waqt li kienu qed jiċċelebraw lil Helen, u issa, b’ton mimli emozzjoni, tgħid li se jkun ħdejha.
Tiddeskrivih bħala “il-King”. Insellmu l-memorja tiegħu.








