Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg għamel żjara uffiċjali f’Berlin fejn kellu taħditiet importanti mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Johann Wadephul, flimkien ma’ diversi rappreżentanti politiċi u ekonomiċi Ġermaniżi.
Matul dawn il-laqgħat, ġiet enfasizzata l-ħtieġa li Malta u l-Ġermanja jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bejniethom, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, b’attenzjoni partikolari fuq oqsma bħat-turiżmu, is-servizzi marittimi, il-konnettività, is-sigurtà u l-enerġija.
Id-diskussjonijiet messu wkoll temi internazzjonali sensittivi, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Malta reġgħet affermat l-appoġġ tagħha lejn l-Ukrajna, filwaqt li żammet mal-prinċipju tan-newtralità tagħha.
Dr Borg sostna li l-Ewropa tinsab f’mument kruċjali u saħaq fuq il-bżonn li l-pajjiżi membri jaħdmu flimkien biex isaħħu l-għaqda u jindirizzaw l-isfidi komuni, speċjalment dawk marbuta mas-sigurtà u l-istabbiltà ekonomika.
Huwa enfasizza wkoll ir-rwol attiv ta’ Malta fuq livell internazzjonali, inkluż fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u fora oħra multilaterali, filwaqt li kompla jappella għal aktar djalogu u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-migrazzjoni u l-kriżijiet fir-reġjun.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru ltaqa’ wkoll ma’ membri tal-Bundestag u rappreżentanti tal-industrija, u tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli tibni relazzjoni b’saħħitha mal-Ġermanja u tikkontribwixxi għal Ewropa aktar magħquda.












