Tlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata u l-portiku tal-Main Guard, bħala parti minn proġett akbar li qed twettaq Heritage Malta. F’dan il-proċess, reġgħet ġiet introdotta l-iskema tal-kuluri tal-portiku li tmur lura għas-seklu 19, biex jinżamm kemm jista’ jkun il-karattru storiku tal-binja.
Fl-istess waqt, ix-xogħol fuq ġewwa miexi b’pass tajjeb. Il-Main Guard, li tinsab quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, għandha storja twila li tibda mill-aħħar tas-seklu 16, meta bdiet tintuża bħala kwartieri tal-għassiesa tal-palazz. Din il-funzjoni baqgħet għal aktar minn tliet sekli, u fi żmien l-Ingliżi l-binja ngħatat id-dehra li nafuha llum, b’portiku fuq stil neoklassiku u tibdil intern bħall-Officers’ Mess.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan il-proġett huwa pass ieħor biex jitħares il-wirt storiku u kulturali tal-pajjiż, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-identità tal-Belt Valletta. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, enfasizza li dawn l-investimenti jagħmlu l-wirt tagħna aktar aċċessibbli u relevanti għan-nies tal-lum u ta’ għada.
Ix-xogħlijiet jinkludu restawr estensiv kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa: tiswija ta’ aperturi u travi tal-injam, interventi kontra l-ilma, xogħol ta’ żebgħa u kisi, kif ukoll titjib fl-aċċessibbiltà. Ġew restawrati wkoll il-pitturi li s-suldati Ingliżi ħallew fuq il-ħitan tal-Officers’ Mess, filwaqt li oħrajn għadhom qed jinkixfu u jiġu konservati.
Fil-portiku sar xogħol dettaljat, inkluż tiswija ta’ strutturi tal-injam u restawr tal-art, tal-bieb ewlieni, tal-arloġġ storiku u tal-fanali tal-ħadid. L-arma Britannika fuq il-faċċata ġiet ikkonservata wkoll, għalkemm se tkun teħtieġ aktar xogħol fil-futur.
Riċerka speċjalizzata wasslet biex tintgħażel skema ta’ kuluri li tirrifletti dik tal-perjodu Vittorjan, ibbażata fuq ritratti antiki u studji stratigrafiċi. Illum il-faċċata għandha lewn roża ċar li jservi biex jenfasizza d-dettalji arkitettoniċi, kif kien isir dak iż-żmien.
L-għan finali hu li l-Main Guard tinbidel f’attrazzjoni kulturali moderna, b’esperjenzi diġitali immersivi li jirrakkontaw l-istorja ta’ Malta. Wara snin magħluqa għall-pubbliku, din il-binja mistennija tieħu ħajja ġdida u ssir parti attiva mill-ħajja kulturali tal-Belt Valletta.
Il-proġett kollu mistenni jitlesta sa tmiem l-2027, u għal din iż-żjara kien preżenti wkoll is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay.










