Malta ressqet applikazzjoni biex tikseb għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea wara l-ħsarat kbar li ġabet magħha l-maltempata Harry. Din l-applikazzjoni saret permezz tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li jgħin lill-pajjiżi membri wara diżastri naturali.
Il-maltempata kkawżat ħsarat serji f’infrastruttura, żoni kostali, art agrikola u anke servizzi essenzjali, filwaqt li kienu meħtieġa diversi interventi ta’ emerġenza minn entitajiet bħall-Protezzjoni Ċivili.
Il-Gvern ippreżenta rapport dettaljat li juri l-impatt tal-maltempata, b’ħsarat stmati għal madwar €128 miljun; ammont li jaqbeż il-limitu meħtieġ biex pajjiż ikun jista’ japplika għal dan il-fond.
Din l-applikazzjoni ġiet ippreparata b’ħidma koordinata bejn ministeri, entitajiet u anke s-settur privat, sabiex il-ħsarat ikunu identifikati u dokumentati skont ir-regoli Ewropej.
Issa l-applikazzjoni se tiġi evalwata mill-Kummissjoni Ewropea, li tiddeċiedi jekk Malta tikkwalifikax u kemm għajnuna tista’ tingħata. Dan huwa l-ewwel pass f’proċess li jista’ jwassal għal appoġġ finanzjarju biex jgħin lill-pajjiż jirkupra minn dan id-diżastru naturali.
Ritratt: Malta, News, Photos and People








