It-tielet edizzjoni ta’ ‘Stilel Taħt il-Kampnar’ se terġa’ ssir fl-Imqabba, u din is-sena twiegħed esperjenza aktar kbira u varjata għal kulħadd. Fost l-attrazzjonijiet prinċipali hemm spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika tal-BrassHouse Unit, li żgur se jkun wieħed mill-punti ewlenin tal-lejla.
L-attività se toffri programm mimli mużika u divertiment għall-familja kollha. Wara r-reazzjoni pożittiva għas-sena li għaddiet, speċjalment għall-projezzjonijiet fuq il-faċċata tal-knisja, l-organizzaturi qed jerġgħu jkomplu jibnu fuq dan is-suċċess permezz ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ għaqdiet mużikali tal-Imqabba u l-Kunsill Lokali.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li inizjattivi bħal dawn juru kemm hemm talent u enerġija fil-komunitajiet Maltin, filwaqt li jgħinu biex jinżammu ħajjin it-tradizzjonijiet kulturali. Huwa tenna li l-Gvern jibqa’ jappoġġja attivitajiet li jġibu lin-nies flimkien.
Is-Sindku Grace Marie Zerafa spjegat li wara s-suċċess tal-edizzjonijiet preċedenti, il-Kunsill ħass li għandu jkompli jkabbar dan l-avveniment. Hija ħabbret li din is-sena se jsir nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju, u rringrazzjat lill-entitajiet kollha li qed joffru s-sapport tagħhom.
Fost l-artisti li se jieħdu sehem hemm Slavin Col, Sadie, Kraylee, Amy Farrugia u Lisa Gauci, flimkien mal-BrassHouse Unit u diversi vuċijiet oħra. Il-lejla tagħlaq b’sett ta’ DJ Sue, filwaqt li l-ispettaklu tan-nar se jkun f’idejn St Mary’s Fireworks Factory u Lily Fireworks Factory.
‘Stilel Taħt il-Kampnar 2026’ se jsir nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju mis-18:30 ’il quddiem, u jibqa’ wieħed mill-avvenimenti kulturali ewlenin fil-lokalità li jgħaqqad il-komunità f’atmosfera ta’ festa, mużika u tradizzjoni.








