L-Aġenzija Żgħażagħ organizzat workshop apposta għall-għaqdiet tal-festi biex tgħinhom joħolqu “Safe Operations Policies”, bil-għan li jsaħħu l-mod kif joperaw, speċjalment fejn tidħol is-sigurtà u l-benesseri taż-żgħażagħ.
Għal din l-inizjattiva attendew ukoll benefiċjarji tal-iskema BOOST li jaħdmu fil-qasam tal-festi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Il-laqgħa serviet bħala bidu ta’ proċess fejn dawn l-għaqdiet volontarji se jingħataw appoġġ biex jiżviluppaw politiki ċari u effettivi, sabiex iż-żgħażagħ voluntiera jkunu protetti u mħarsa aħjar.
L-għan ewlieni huwa li l-għaqdiet isaħħu l-organizzazzjoni tagħhom permezz ta’ ippjanar aktar strutturat u preventiv.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq li l-għaqdiet tal-festa joffru spazju importanti fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu jieħdu responsabbiltà u jiżviluppaw ħiliet ġodda. Huwa spjega li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern qed jaħdem biex jiżgura li l-esperjenza tal-volontarjat fil-festi tibqa’ waħda sigura, professjonali u ta’ valur għall-futur.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, enfasizzat kemm hu importanti li jinħoloq spazju fejn l-għaqdiet jitgħallmu u jaqsmu esperjenzi bejniethom. Filwaqt li l-youth worker Justine Azzopardi spjegat li dan il-workshop qed jgħin lill-organizzazzjonijiet jidentifikaw ir-riskji u joħolqu proċeduri adattati għalihom, sabiex iż-żgħażagħ ikunu parti attiva fit-tiswir tat-tradizzjonijiet tagħna.
Matul il-laqgħa, iż-żgħażagħ irċevew ukoll informazzjoni mill-Eurodesk dwar fondi u opportunitajiet Ewropej li jistgħu jgħinu lill-għaqdiet tagħhom ikomplu jiżviluppaw u jagħmlu impatt pożittiv fil-komunità.











