Il-membri u l-impjegati tal-Kunsilli Lokali bdew jieħdu sehem f’taħriġ speċjalizzat biex jgħinhom jagħmlu xogħolhom aħjar. Dan il-programm beda s-sena li għaddiet wara t-tnedija ta’ strateġija nazzjonali għat-taħriġ fil-Gvern Lokali, u reċentement ingħataw l-ewwel ċertifikati lil dawk li temmew il-korsijiet.
It-taħriġ qed isir b’appoġġ ta’ fondi Ewropej u jitmexxa minn diversi entitajiet fis-settur tal-Gvern Lokali. B’valur ta’ madwar €600,000, il-maġġoranza tal-finanzjament ġejja mill-Unjoni Ewropea, bil-għan li jissaħħu s-servizzi offruti fil-komunitajiet.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan huwa investiment dirett fin-nies li jaħdmu fil-Kunsilli Lokali, sabiex is-servizz li jingħata liċ-ċittadini jkun aktar professjonali u effiċjenti. Żied jgħid li l-programm jinkludi wkoll esperjenzi prattiċi u żjarat ta’ studju, kemm f’Malta kif ukoll barra.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli enfasizzat l-importanza tal-investiment fir-riżors uman, u qalet li dawn il-korsijiet qed isaħħu l-karriera ta’ dawk li jaħdmu fil-Kunsilli Lokali. Hija sostniet li dan jgħin biex jinħoloq servizz aħjar li jqiegħed liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma.
Fl-aħħar, ġie mfakkar li din l-inizjattiva hija wkoll konformi mal-Viżjoni Malta 2050, billi tippromwovi ħaddiema aktar imħarrġa u ppreparati għall-bżonnijiet tas-soċjetà.












