Ingħata bidu għar-restawr tal-Kappella tal-Madonna tal-Grazzja fil-Qrendi, waħda mis-sitt kappelli li hemm fil-lokalità. Din il-kappella tinsab tul it-triq li twassal għat-tempji megalitiċi u qrib il-kappella ta’ San Mattew fiż-żona tal-Maqluba.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li dan il-proġett hu pass importanti fil-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt storiku ta’ Malta. Huwa qal li proġetti bħal dawn isaħħu l-identità kulturali tal-komunitajiet u jagħtu valur ġdid lill-binjiet storiċi.
Il-kappella, li oriġinarjament kienet iddedikata lill-Madonna tal-Vitorja u nbiet fl-1685, sofriet ħsarat matul il-gwerra, b’partijiet minnha kellhom jerġgħu jinbnew. Minkejja dan, baqgħet element importanti fil-pajsaġġ reliġjuż u storiku tal-Qrendi.
Ir-restawr qed jiffoka fuq il-konservazzjoni tal-karattru oriġinali tal-kappella, filwaqt li jsaħħaħ l-istruttura tagħha biex tiġi ppreservata għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ix-xogħlijiet qed isiru b’materjali u metodi tradizzjonali li jirrispettaw il-kostruzzjoni storika.
Ix-xogħol qed jitwettaq mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u mistenni jdum madwar sitt xhur, bl-ispejjeż kollha koperti mill-istess dipartiment.
Għal din iż-żjara attendew ukoll is-Sindku David Schembri, membri tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi u l-Kappillan Fr Mario Said.











