Id-Deputat Speaker David Agius saħaq li d-demokrazija ma tiddependix biss fuq il-politiċi jew il-gvern, iżda tibda minn kull ċittadin. Huwa qal dan waqt li ppresieda s-sessjoni finali tal-Mini Assemblea Ewropea li saret fil-Parlament.
Fl-indirizz tiegħu, Agius enfasizza kemm hi importanti l-parteċipazzjoni ċivika u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea. It-tema ta’ din is-sena ffukat fuq kif jista’ jissaħħaħ dan il-proċess, u ġabret flimkien studenti Maltin u barranin li ħadu sehem f’simulazzjoni tax-xogħol tal-Parlament Ewropew. Il-parteċipanti rrappreżentaw diversi pajjiżi, iddiskutew suġġetti importanti u pproponew emendi għal riżoluzzjoni.
Agius irrimarka li d-demokrazija Ewropea hija mibnija fuq valuri bħall-libertà, l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt, iżda dawn qed jiġu sfidati minn fatturi bħad-diżinformazzjoni, il-populiżmu, it-tibdil fil-klima u pressjonijiet ekonomiċi. Huwa sostna li dawn l-isfidi qed jinbidlu kontinwament, u għalhekk hemm bżonn aktar kooperazzjoni, solidarjetà u impenn biex dawn il-valuri jibqgħu protetti.
Huwa spjega wkoll li l-parteċipazzjoni tan-nies u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet huma marbuta mill-qrib, u li l-istituzzjonijiet għandhom jaħdmu kontinwament biex jiksbu din il-fiduċja permezz tat-trasparenza u r-responsabbiltà.
Agius għamel referenza wkoll għall-isfidi tal-era diġitali, fejn l-informazzjoni mhux affidabbli qed tinfirex aktar faċilment. Huwa enfasizza l-bżonn tal-litteriżmu tal-midja u ħsieb kritiku biex tissaħħaħ id-demokrazija u tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni.
Fl-għeluq tiegħu, huwa ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jibqgħu attivi u impenjati fis-soċjetà, u sostna li l-futur tad-demokrazija fl-Ewropa jiddependi fuq l-impenn u l-valuri tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Is-sessjoni attendewha wkoll il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola permezz ta’ messaġġ virtwali, flimkien ma’ rappreżentanti oħra fosthom Naomi Cachia u Francis Stivala.













