L-Awtorità ta’ Standards u Ħarsien Soċjali ppreżentat ir-rapport annwali tagħha għall-2025, li juri sena mimlija ħidma intensiva biex jitjiebu s-servizzi ta’ kura soċjali fil-komunità.
Matul din is-sena, l-Awtorità ħarġet madwar 200 liċenzja lil operaturi li jipprovdu servizzi soċjali, filwaqt li kompliet issaħħaħ il-monitoraġġ permezz ta’ spezzjonijiet regolari. Fil-fatt, saru 1,762 spezzjoni, l-aktar f’oqsma sensittivi bħas-servizzi għad-diżabilità, it-tfal, il-vjolenza domestika u l-vizzji. Dawn l-isforzi huma mmirati biex jiġi żgurat li s-servizzi offruti jkunu ta’ kwalità u jwieġbu għall-bżonnijiet reali tal-individwi u tal-familji tagħhom.
Fir-rigward tal-adozzjoni, ġew ipproċessati 41 applikazzjoni, filwaqt li 13-il każ wasslu għal adozzjonijiet finalizzati mill-qrati Maltin, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.
Ir-rapport ġie ppreżentat waqt konferenza tal-aħbarijiet li enfasizzat kif l-2025 kienet sena ta’ aktar regolamentazzjoni u interventi mmirati biex jissaħħu l-istandards fis-settur soċjali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, faħħar il-ħidma tal-Awtorità u saħaq li se tkompli tingħata l-awtonomija meħtieġa biex tieħu deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-persuni li jiddependu fuq dawn is-servizzi.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv Ruth Sciberras spjegat li nfetħu 20 investigazzjoni relatati ma’ nuqqasijiet serji f’ċerti servizzi, u saħqet fuq l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-operaturi u l-Awtorità biex l-istandards ikomplu jitjiebu.











