Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, fetaħ uffiċjalment il-Malta Statue Collectors Statue Expo 2026 li qed issir fl-Arena ta’ Montekristo. Din l-edizzjoni hija l-aktar waħda ambizzjuża s’issa għall-Malta Statue Collectors (MSC), komunità li minn grupp żgħir fuq Facebook kibret f’pjattaforma importanti għall-arti u d-dilettanti tagħha.
L-esebizzjoni tinkludi aktar minn 100 statwa, b’firxa wiesgħa li tinkludi karattri ikonici minn Marvel u DC kif ukoll figuri magħrufa miċ-ċinema u l-logħob diġitali. Barra mill-aspett viżiv, l-avveniment għandu wkoll dimensjoni edukattiva, fejn il-viżitaturi jistgħu jifhmu aħjar ir-rabta bejn ix-xjenza u l-psikoloġija permezz ta’ karattri popolari bħal Captain America u Wolverine.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari enfasizza kif inizjattivi bħal dawn isaħħu l-komunità u juru l-valur tal-kultura pop bħala mezz ta’ tagħlim u riflessjoni soċjali. Huwa spjega li dawn l-attivitajiet joħolqu spazji fejn l-arti u l-innovazzjoni jħeġġu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Min-naħa tiegħu, il-fundatur tal-Malta Statue Collectors, Matthew Mamo, fakkar fil-bidu tal-komunità fl-2021 u kif, flimkien ma’ Alexei Sammut u Jason Caruana, irnexxielhom jibnu netwerk ta’ appoġġ għal kollezzjonisti lokali filwaqt li jikkollaboraw ma’ artisti internazzjonali. Huwa ddeskriva l-esebizzjoni bħala pass importanti li juri kemm din il-passjoni kibret f’Malta, speċjalment bil-parteċipazzjoni ta’ artisti barranin bħal Daniele Angelozzi.
L-MSC Statue Expo 2026 hija miftuħa għall-pubbliku b’xejn nhar is-Sibt 18 ta’ April u l-Ħadd 19 ta’ April, u toffri esperjenza unika għall-familji u d-dilettanti tal-arti li jixtiequ jiskopru xogħol ta’ livell għoli u komunità attiva u kreattiva.










