Il-produzzjoni Ingliża The Assassin – Season 2 bħalissa qed tinħadem f’Malta, b’ġbid li beda fis-16 ta’ Frar u mistenni jkompli sal-5 ta’ Ġunju 2026.
Is-serje se tkun magħmula minn sitt episodji ta’ siegħa kull wieħed, taħt id-direzzjoni ta’ Terry McDonough.
Ix-xeni qed jinġibdu f’diversi lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin, fosthom Valletta, Floriana, Rabat, Attard, Mellieħa, Marsaskala u Siġġiewi, li flimkien juru kemm Malta hi adattabbli għal produzzjonijiet internazzjonali.
Il-produzzjoni qed tibbenefika mill-iskema tal-40% cash rebate offruta mill-Malta Film Commission. B’investiment ta’ madwar €17.1 miljun fil-pajjiż, il-proġett qed joħloq xogħol għal 141 persuna, li minnhom 120 huma Maltin, u b’hekk qed ikompli jsaħħaħ l-industrija tal-films lokali.
Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza li l-iskema tal-cash rebate tibqa’ kruċjali biex Malta tattira produzzjonijiet barranin u toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda. Fl-istess waqt, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech irrimarka li produzzjonijiet ta’ dan il-livell qed jgħinu biex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin, jiżdied il-profil internazzjonali tal-pajjiż u tissaħħaħ industrija sostenibbli fit-tul.












