Binja f’Ħal Għaxaq li kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet issa ġiet mgħoddija lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, b’kera ta’ ħames snin u b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar. L-iskop huwa li din tinbidel f’sala ġdida għall-kunsill sabiex tissaħħaħ il-ħidma fil-komunità.
Il-binja, li tinsab fi Vjal il-Labour u tkopri madwar 75 metru kwadru, se tintuża biex toffri diversi servizzi u attivitajiet lir-residenti. Fost dawn hemm korsijiet għall-pubbliku, spazju għall-anzjani u anke faċilità biex jitħallsu kontijiet mingħajr il-bżonn li wieħed imur sa Żejtun.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan il-pass juri l-fiduċja tal-Gvern fil-kunsilli lokali, filwaqt li enfasizza li dan il-proġett se jtejjeb is-servizzi u jagħmilhom aktar aċċessibbli għan-nies. Huwa saħaq ukoll li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-kunsilli biex joffru ambjent aħjar u aktar inklussiv għall-komunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li din l-inizjattiva se tagħmel differenza konkreta għar-residenti Għaxqin, peress li se jkollhom aktar servizzi fil-lokalità tagħhom stess mingħajr ma jkollhom joħorġu mir-raħal.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Karl Boxall laqa’ din l-aħbar b’mod pożittiv u qal li l-proġett se joffri spazju ġdid fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu u jieħdu sehem f’attivitajiet, b’benefiċċju dirett għall-komunità kollha.
Il-ftehim ġie ffirmat minn uffiċjali tal-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar, flimkien mas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali.








