Attività sportiva fl-Iskola Helen Keller ġabet flimkien madwar 80 student, inklużi studenti b’diżabilità fiżika, f’inizjattiva li poġġiet l-inklużjoni u r-rispett reċiproku fil-qalba tagħha.
Matul l-attività, organizzata b’kollaborazzjoni bejn l-Iskola Helen Keller, l-Iskola Primarja San Benedittu Qrendi u l-Kulleġġ San Benedittu flimkien ma’ Special Olympics Malta, ġiet offruta esperjenza sportiva komuni li ħeġġet il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.
Lydia Abela, li hija wkoll President ta’ Special Olympics Malta, iddeskriviet din l-inizjattiva bħala eżempju ċar ta’ kif l-isport jista’ jintuża biex tissaħħaħ l-inklużjoni. Hija nnutat li din hija l-ewwel kollaborazzjoni ta’ dan it-tip bejn dawn l-iskejjel, u li permezz tal-appoġġ ta’ Special Olympics, l-isport qed isir aktar aċċessibbli u inklużiv.
Hija spjegat li hemm pjanijiet biex inizjattivi bħal dawn jinfirxu f’aktar skejjel madwar Malta u Għawdex, bl-użu ta’ riżorsi bħal tagħmir u coaches biex aktar studenti jkollhom l-opportunità jipparteċipaw b’mod attiv.
Matul il-ġurnata, ingħatat attenzjoni partikolari lill-programm Motor Activity Training Programme (MATP), li jgħin studenti bi bżonnijiet kumplessi jieħdu sehem fl-attivitajiet flimkien ma’ sħabhom.
Lydia Abela irringrazzjat lill-edukaturi u lill-entitajiet kollha involuti għall-impenn tagħhom biex jinbnew skejjel u komunitajiet aktar inklużivi, filwaqt li saħqet li l-isport jibqa’ għodda b’saħħitha għall-integrazzjoni soċjali.
Għall-attività attendiet ukoll Marie Louise Coleiro Preca.











