Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, nieda l-proġett SEED (Study of Early Events in Development), studju nazzjonali mifrux fuq tliet snin li għandu l-għan li jtejjeb il-kura u jkabbar l-għarfien dwar l-ewwel trimestru tat-tqala f’Malta.
Dan il-proġett se jkun pass importanti lejn kura aktar ibbażata fuq evidenza. Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fakultà tal-Health Sciences u l-Fakultà tal-Inġinerija fi ħdan l-University of Malta, se tinħoloq l-ewwel bażi moderna ta’ data f’dan il-qasam. L-istudju se janalizza kemm informazzjoni minn sptarijiet kif ukoll l-esperjenzi tan-nisa u tal-professjonisti mediċi.
Fl-intervent tiegħu, Azzopardi Tanti spjega li l-proġett huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn kif ir-riċerka tista’ twassal għal soluzzjonijiet konkreti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà. Huwa żied li r-riżultati mistennija jgħinu biex jitfasslu servizzi aktar effettivi u flessibbli, filwaqt li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Ir-riċerkatriċi prinċipali, Dr Lara Sammut, enfasizzat kemm huwa importanti dan l-istudju għas-settur tas-saħħa. Hija spjegat li l-proġett twieled mill-ħtieġa li nifhmu aħjar x’jiġri fil-bidu tat-tqala – stadju delikat li fih għad hemm ħafna inċertezza u nuqqas ta’ evidenza ċara. Skont hi, il-bini ta’ din l-evidenza huwa kruċjali biex jittieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u titjieb il-kura.
Il-proġett SEED juri kif riċerka mmirata tista’ twassal għal politika aktar effettiva li tirrifletti l-bżonnijiet reali tas-soċjetà. Fl-istess ħin, jenfasizza l-impenn kontinwu tal-Gvern biex jappoġġja lill-familji f’mumenti sensittivi u lill-professjonisti tas-saħħa, filwaqt li jkompli jsaħħaħ kura iċċentrata fuq il-pazjent f’Malta.









