Tħabbru uffiċjalment ir-riżultati tal-edizzjoni 2026 tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, li għal darb’oħra ġibed l-aqwa talenti pirotekniċi minn madwar Malta u Għawdex. Dan il-festival jibqa’ pjattaforma importanti li turi l-ħiliet, il-kreattività u t-tradizzjoni marbuta mal-logħob tan-nar Malti.
Ir-rebbieħ overall tal-festival kien il-Kummissjoni Nar San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, li spikkat b’wirja impressjonanti u koordinazzjoni teknika eċċellenti.
Fid-diversi kategoriji, dawn kienu r-rebbieħa:
Fil-Kategorija 1 – Raddiena Mekkanizzata tal-Katina, ir-rebħa marret għand il-Kamra tan-Nar San Filep, Ħaż-Żebbuġ, li ppreżentat spettaklu dinamiku u preċiż.
Fil-Kategorija 2 – Raddiena Mekkanizzata tal-Universal, ingħata Premju ta’ Mertu lill-Kamra tan-Nar San Pawl, Ħal Safi, bħala rikonoxximent għall-kwalità u l-innovazzjoni fil-wirja tagħhom.
Fil-Kategorija 3 – Raddiena Mekkanizzata 2D, rebħet il-Għaqda tan-Nar Marija Bambina, Naxxar, b’preżentazzjoni kreattiva u viżwalment impressjonanti.
Fil-Kategorija 5 – Raddiena Mekkanizzata tal-Funtani tal-Kulur, għal darb’oħra spikkat il-Kummissjoni Nar San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa, li kisbet ukoll din il-kategorija.
Barra minn hekk, il-Sportsmanship Award (Premju ta’ Mertu għall-imġiba sportiva) ingħata lill-Għaqda tan-Nar Marija Bambina, Naxxar, bħala rikonoxximent għall-ispirtu pożittiv u l-kollaborazzjoni tagħhom tul il-festival.
Il-Kunsill Lokali rringrazzja lill-kmamar tan-nar kollha li pparteċipaw, kif ukoll lill-Għaqda Piroteknika Maltija u lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-appoġġ kontinwu tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment li jkompli jsaħħaħ il-wirt kulturali Malti.








