Tħabbru d-dettalji tat-tieni edizzjoni tal-inizjattiva “Minn Pjazza għal Pjazza”, li se terġa’ tagħti ħajja lill-pjazez f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fix-xhur li ġejjin. Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali se tkompli tappoġġja finanzjarjament sensiela ta’ attivitajiet organizzati flimkien mal-Kunsilli Lokali, b’interess qawwi hekk kif 43 kunsill applikaw biex jipparteċipaw.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegaw li l-inizjattiva għandha l-għan li ġġib l-arti u l-kultura eqreb lejn il-komunitajiet, billi tibdel il-pjazez f’ċentri ta’ attivitajiet kulturali u soċjali. Il-programm se jinkludi spettakli, wirjiet ta’ films lokali u attivitajiet interattivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
Id-direzzjoni artistika se tkun f’idejn Daniel Cauchi, li flimkien mal-Kunsilli Lokali se jfassal programm differenti għal kull lokalità, ibbażat fuq il-karattru u l-istorja tagħha.
Il-Ministru Bonnici sostna li din l-inizjattiva tgħin biex il-pjazza terġa’ ssir il-qalba tal-ħajja komunitarja, filwaqt li tippromwovi tradizzjonijiet u spazji ġodda ta’ kreattività. Min-naħa tagħha, Alison Zerafa Civelli qalet li dawn l-attivitajiet se jkomplu jsaħħu l-kalendarju kulturali nazzjonali u jagħmlu l-arti aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Hija żiedet li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-familji Maltin u Għawdxin se jkollhom aktar opportunitajiet biex iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien, filwaqt li jgawdu mill-wirt u l-identità kulturali tal-lokalitajiet tagħhom.
L-attivitajiet se jsiru bejn Mejju u Novembru f’diversi lokalitajiet, fosthom Ħal Kirkop, is-Swieqi, Ħal Safi, Ħal Lija, Ħad-Dingli, ix-Xagħra, Tas-Sliema, Ħal Għaxaq, Pembroke, is-Siġġiewi, l-Imqabba, iż-Żurrieq, Paola, il-Belt Valletta u Bormla.










