Għalqa u struttura fi Triq il-Brolli, Birżebbuġa ġew uffiċjalment mgħoddija lis-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 b’kera ta’ ħmistax-il sena. Din l-art u l-istruttura, li qabel kienu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, se jintużaw biex jissaħħu l-faċilitajiet marbuta mal-attività piroteknika fil-lokalità.
Il-proġett għandu l-għan li joffri spazju aktar adegwat u sigur għall-ħruq tan-nar tal-ajru, attività li ilha ssir f’din iż-żona għal snin twal bħala parti mill-festa annwali. L-għalqa, li tkopri madwar 350 metru kwadru, se tippermetti titjib fis-sigurtà għall-pirotekniċi u organizzazzjoni aħjar tal-attivitajiet.
Fl-istess waqt, l-istruttura viċin (defence post) se tiġi restawrata u miżmuma mis-soċjetà, iżda mhux se tintuża għall-ħażna ta’ materjal pirotekniku.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan il-pass juri l-impenn kontinwu tal-Gvern lejn il-festi Maltin u l-valur kulturali tagħhom, filwaqt li enfasizza li dawn huma wkoll rikonoxxuti bħala Wirt Intanġibbli tal-UNESCO. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, qal li dan il-ftehim jiżgura użu aktar sostenibbli tal-art pubblika b’benefiċċju dirett għall-komunità.
Il-President tas-soċjetà, Alex Caruana, spjega li dan l-ispazju ġdid se joffri aktar sigurtà u viżibilità għan-nar tal-ajru, li issa jkun jista’ jitgawda aħjar mill-pjazza.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Robert Vella, Alex Caruana u l-kaxxier Walter Pace.








