Qed jitkompla jissaħħaħ l-appoġġ għal persuni li jkunu temmew programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, hekk kif il-Fondazzjoni Caritas tinsab viċin li tiftaħ residenza ġdida ta’ “after care”.
Din ir-residenza, li tinsab fin-Naxxar, hija maħsuba bħala pass importanti bejn ir-riabilitazzjoni u l-ħajja indipendenti. Din il-fażi hija meqjusa fost l-aktar delikati, peress li r-riskju li persuna terġa’ taqa’ fid-dipendenza jibqa’ għoli, speċjalment meta ma jkunx hemm sapport familjari jew akkomodazzjoni stabbli.
Id-dar se toffri aktar minn sempliċi post fejn wieħed jgħix. L-għan ewlieni tagħha hu li tipprovdi ambjent sigur u strutturat li jgħin lill-individwi jerġgħu jibnu ħajjithom b’dinjità u stabbiltà, filwaqt li tħejjihom għal integrazzjoni pożittiva fis-soċjetà.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li l-Gvern se jkun qed jappoġġja finanzjarjament dan il-proġett sabiex jiġi żgurat li s-servizz ikun sostenibbli fit-tul. Huwa ddeskriva dawn l-inizjattivi bħala investiment soċjali li jagħti opportunità lil persuni jerġgħu jibdew ħajja ġdida.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Caritas, Anthony Gatt, spjega li r-residenza se tkun iffukata fuq il-ħolqien ta’ ambjent terapewtiku u ta’ sostenn, b’enfasi partikolari fuq nisa, ommijiet u adulti żgħażagħ li jkunu qed jimmiraw lejn ħajja aktar indipendenti fil-komunità.











