Il-Malta Draughts Federation ħabbret il-bidu tat-tielet kompetizzjoni tagħha għas-sena 2026, bit-tnedija tal-kompetizzjoni individwali “2-Move Restriction”, li se tibda nhar it-Tlieta 21 ta’ April.
Din il-kompetizzjoni qed tiġbed interess partikolari fost il-plejers tad-dama, hekk kif il-format “2-move restriction” joffri sfida differenti u aktar strateġika mill-logħob tradizzjonali, billi jimponi limitazzjonijiet fuq il-movimenti inizjali u jġiegħel lill-parteċipanti jaħsbu aktar fit-tul.
S’issa, diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom tnax-il plejer, iżda l-federazzjoni qed tappella lil aktar dilettanti biex jissieħbu, hekk kif għad hemm ċans li wieħed jirreġistra u jieħu sehem.
Il-Malta Draughts Federation esprimiet ukoll ir-ringrazzjament tagħha lis-sur Alex Debono ta’ Sports Experience, li b’mod ġeneruż offra t-trofew għar-rebbieħ tal-kompetizzjoni.
Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-promozzjoni tad-dama f’Malta, filwaqt li toffri opportunità lill-plejers lokali biex jikkompetu f’ambjent organizzat u kompetittiv.








