Il-Parlament Malti approva b’mod unanimu liġi ġdida dwar il-“living will”, li tintroduċi dritt importanti għaċ-ċittadini biex jiddeċiedu minn qabel dwar il-kura medika tagħhom fil-futur. Permezz ta’ din il-liġi, persuni se jkunu jistgħu jirreġistraw direttivi mediċi bil-quddiem dwar trattamenti straordinarji li ma jkunux jixtiequ jekk xi darba jsibu ruħhom f’kundizzjoni serja ta’ saħħa.
Il-liġi tressqet mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ mal-partijiet interessati. Matul id-dibattitu parlamentari kien hemm qbil ġenerali dwar kemm hi meħtieġa din il-miżura, speċjalment biex tissaħħaħ l-awtonomija personali fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Meta tidħol fis-seħħ, wara perjodu tranżitorju, din il-liġi mistennija ttaffi wkoll il-piż emozzjonali fuq il-familji f’mumenti diffiċli, meta persuna ma tkunx tista’ tieħu deċiżjonijiet għaliha nfisha. Fl-istess ħin, se tagħti aktar ċertezza legali lill-professjonisti mediċi fil-ħidma tagħhom.
Il-qafas legali l-ġdid jistabbilixxi ċirkostanzi speċifiċi fejn dawn id-direttivi jistgħu japplikaw, dejjem wara li l-persuna tkun ħadet deċiżjoni infurmata bl-għajnuna ta’ tabib u tkun irreġistratha formalment quddiem nutar.
Rebecca Buttigieg irringrazzjat lil dawk kollha li taw kontribut fit-tfassil tal-liġi u esprimiet it-tama li, b’koperazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet tas-saħħa u partijiet oħrajn, din il-miżura se ssaħħaħ ir-rispett lejn id-dinjità u l-għażliet personali ta’ kull individwu.








