Erba’ kunsilli lokali se jkunu qed jibbenefikaw minn fondi Ewropej biex iwettqu proġetti ta’ ġemellaġġ, wara li applikaw b’suċċess għal finanzjament taħt programm Ewropew. Dawn huma l-kunsilli tal-Birgu, Ħal Safi, Marsaskala u s-Sannat.
Il-proġetti ġew ippreżentati waqt konferenza f’Ħal Safi mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Rodrick Zerafa. B’kollox, il-finanzjament jilħaq madwar €70,000 u se jintuża biex dawn il-lokalitajiet jibnu relazzjonijiet ma’ bliet u rħula oħra fl-Ewropa.
Matul il-konferenza ġie enfasizzat li l-ġemellaġġi huma mezz importanti biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-popli Ewropej, billi jġibu flimkien komunitajiet differenti biex jaqsmu l-kultura tagħhom, jesploraw opportunitajiet ekonomiċi u jtejbu l-fehim reċiproku. Dawn l-inizjattivi se joffru wkoll spazju għal parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini, skambju ta’ ideat u diskussjoni dwar sfidi komuni.
Il-Ministru spjega li dawn il-fondi qed jintużaw biex jissaħħu l-komunitajiet lokali b’mod sostenibbli, filwaqt li joffru opportunitajiet konkreti ta’ kollaborazzjoni Ewropea. Huwa ħeġġeġ lill-kunsilli u entitajiet oħra biex ikomplu jisfruttaw dawn il-possibbiltajiet. Min-naħa tiegħu, Rodrick Zerafa enfasizza li dawn il-proġetti juru l-potenzjal tal-ġemellaġġi mhux biss fil-qasam kulturali, iżda wkoll biex jiġu indirizzati sfidi reali tas-soċjetà.
Kienu preżenti wkoll diversi rappreżentanti lokali, fosthom is-sindki u uffiċjali mill-kunsilli involuti.
Fost il-proġetti, dak ta’ Ħal Safi se jiffoka fuq l-agrikoltura permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ lokalità fil-Greċja, bil-għan li jissaħħu l-prattiċi sostenibbli u l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet. Il-proġett tal-Birgu se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn bliet f’Malta, l-Italja u l-Albanija permezz ta’ djalogu interkulturali u ċittadinanza attiva.
Marsaskala se tmexxi inizjattiva li tindirizza l-vjolenza domestika, li se tlaqqa’ flimkien komunitajiet minn diversi pajjiżi Ewropej għal diskussjonijiet u attivitajiet edukattivi. Min-naħa l-oħra, il-proġett tas-Sannat se jiffoka fuq iż-żgħażagħ, billi jħeġġeġ aktar parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivika u Ewropea permezz ta’ skambji ma’ komunità fl-Italja.
Dawn il-proġetti mistennija jkomplu jsaħħu r-rabtiet bejn Malta u pajjiżi oħra Ewropej, filwaqt li joħolqu benefiċċji konkreti għall-komunitajiet lokali.








