Fit-3 ta’ Mejju, il-Knisja tiċċelebra s-Solennità tas-Sejba tas-Salib Imqaddes, magħrufa wkoll bħala Santu Kruċ. Din il-festa tfakkar wieħed mill-aktar simboli qawwija tal-fidi Nisranija – is-salib li fuqu Ġesù Kristu ġie msallab. Il-kruċifissjoni kienet il-mod kif Ġesù nqatel, iżda għan-Nisrani saret ukoll sinjal ta’ salvazzjoni, tama u mħabba bla qies.
Is-salib, għalhekk, mhuwiex biss strument ta’ tortura, iżda relikwa għażiża u sagru. L-hekk imsejjaħ Salib Veru – jew Lignum Crucis bil-Latin – hu meqjus bħala s-salib oriġinali tal-kruċifissjoni. Skont il-qaddis u d-duttur tal-Knisja, Venerabbli Beda, dan is-salib kien magħmul minn erba’ tipi ta’ injam differenti: iċ-ċipress għall-arblu, iċ-ċedru għall-parti orizzontali (patibulum), l-arżnu għall-parti ta’ fuq u materjal ieħor għall-iskrizzjoni magħrufa bħala Titulus Crucis. Din l-iskrizzjoni, magħrufa bl-inizjali INRI, kienet tindika r-raġuni tat-tislib.
Skont it-tradizzjoni Nisranija, is-Salib Veru nstab minn Sant’Elena fis-seklu erbgħa, waqt pellegrinaġġ tagħha lejn l-Art Imqaddsa. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, frammenti minn din ir-relikwa tqiesu bħala teżori spiritwali u ġew meqjuma madwar id-dinja kollha.
Din l-istorja u aktar jistgħu jiġu esplorati fil-mużew uniku SacraCrux – Mużew tal-Kurċifissi, l-ewwel mużew f’Malta ddedikat esklussivament għall-kruċifissi. Li beda bħala wirja temporanja matul il-Ġimgħa Mqaddsa, illum żviluppa f’kollezzjoni permanenti impressjonanti li tlaħħaq ma’ aktar minn 700 kurċifiss esebit, minn kollezzjoni li taqbeż l-1,000 biċċa.
Il-mużew huwa frott il-passjoni u d-dedikazzjoni ta’ Jesmond Farrugia, li ilu madwar 40 sena jiġbor dawn il-biċċiet sagri. Dak li beda bħala interess personali kiber f’passjoni li tinvolvi lill-familja kollha, fejn kull akkwist jitqies bħala teżor prezzjuż.
Il-kollezzjoni fiha kurċifissi minn diversi kontinenti u magħmula minn materjali varji bħal kartapesta minn Lecce, ġibs, avorju, fidda, injam u scuma di mare Taljana. Fost l-aktar biċċiet notevoli hemm relikwarji li fihom frammenti tas-Salib Veru, partijiet mill-Sacra Sindone, ix-xewka (Sacra Spina) u anke l-imsiemer relatati mat-tislib.
Il-mużew jinkludi wkoll oġġetti ta’ valur storiku u artistiku, bħal kurċifissi medjevali li jinfetħu u jagħlqu, magħrufa bħala appollion, li kienu jintużaw biex jinġarru relikwi. Fost il-ġawhar tal-kollezzjoni hemm ukoll biċċa attribwita lil Dun Alfred Gatt, li għandha madwar 500 sena, replika Sqallija ta’ kurċifiss li jinsab f’Enna.
Kurżità oħra interessanti hija l-preżenza ta’ kurċifissi mill-belt Ġermaniża ta’ Oberammergau, magħrufa għall-produzzjoni ta’ kurċifiss ġdid kull għaxar snin. Fil-kollezzjoni Farrugia nsibu l-aħħar 12-il edizzjoni, li jmorru lura sal-1900, inkluż wieħed b’poża unika fejn idejn Kristu huma miksura u s-saqajn imsallbin b’mod mhux tas-soltu.
Is-SacraCrux toffri esperjenza spiritwali u kulturali li tħalli impatt qawwi fuq kull min iżurha. Kull kurċifiss għandu l-istorja tiegħu, il-forma tiegħu u s-sinifikat tiegħu – u tassew, kif jgħidu ħafna, “tara wieħed u tinsa ieħor”.













