Il-Liċeo San Ġorġ Preca f’Ħamrun ser jerġa’ jorganizza maratona sportiva b’għan ġeneruż, fejn il-fondi kollha miġbura ser imorru għall-Ursolini Houses. Din l-attività ser issir nhar il-Ħadd 26 ta’ April fil-grawnds tal-iskola bejn it-8:30 ta’ filgħodu u s-7:00 ta’ filgħaxija.
L-edukaturi flimkien mal-Ursolini Houses qed jistiednu lill-pubbliku biex jattendi u jieħu sehem f’din il-ġurnata speċjali ta’ solidarjetà. L-għan ewlieni hu mhux biss li jinġabru fondi, iżda wkoll li titqajjem aktar għarfien dwar ix-xogħol importanti li twettaq din l-organizzazzjoni.
L-istaff u l-istudenti tal-iskola ilhom jaħdmu bis-sħiħ biex jorganizzaw dan l-avveniment. Filwaqt li l-isport ser ikun l-attrazzjoni prinċipali, b’logħob bħal futbol, volleyball u basketball, ser ikun hemm ukoll diversi attivitajiet oħra għall-familja kollha.
Il-ġurnata tibda b’quddiesa fit-8:30 fil-bitħa tal-iskola, segwita minn kolazzjon stil Ingliż, u wara jibdew l-attivitajiet kollha.
Matul il-ġurnata, dawk li jattendu ser isibu diversi stands b’ikel, pjanti u prodotti oħra, kif ukoll bazaar u thrift shop, bil-profitti kollha jmorru għall-Ursolini Houses. Barra minn hekk, ser ikun hemm wirja artistika, divertiment live minn kantanti u mużiċisti lokali kif ukoll bands Maltin, u attivitajiet għat-tfal fosthom castle li jintefaħ, ferrovija żgħira u face painting.
Il-Kulleġġ San Ġorġ Preca jirringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu fl-organizzazzjoni ta’ din il-maratona u jistieden lill-pubbliku biex jattendi u jappoġġja din il-kawża nobbli.








