Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal qed ikompli jsaħħaħ l-investiment fil-kura alternattiva biex jiżgura li kull tifel u tifla jkollhom ambjent sigur u mimli kura.
F’dan il-kuntest, ġie mġedded il-ftehim ta’ Public Social Partnership mal-Fondazzjoni Dar San Ġużepp, li toffri kenn lil tfal li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom.
Il-Ministeru alloka €2.5 miljun fuq perjodu ta’ tliet snin biex jiġi żgurat servizz stabbli u kontinwu. Dan jirrappreżenta żieda ta’ madwar €600,000, jew 31.6%, meta mqabbel mal-ftehim preċedenti li skada f’Diċembru li għadda.
Il-Ministru Michael Falzon enfasizza li hemm impenn kontinwu biex jissaħħu dawn is-servizzi, inkluż aktar fokus fuq l-after care, li qed jiġi estiż ukoll għal oqsma oħra bħar-riabilitazzjoni.
Huwa spjega wkoll li dan huwa d-disa’ ftehim minn total ta’ ħdax li ġew imġedda wara li skadew fl-2025, filwaqt li żewġ ftehimiet ġodda mistennija jidħlu fis-seħħ din is-sena. B’kollox, bħalissa hemm 37 ftehim ma’ 25 organizzazzjoni li jaħdmu fis-settur soċjali, b’investiment totali ta’ kważi €15.4 miljun għall-2026.










