Bis-saħħa tal-fondi mill-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi, is-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi kompliet ittejjeb is-servizz tar-radju tagħha biex tkun aktar qrib in-nies.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt żjara li għamlet fil-każin.
Għal dawn l-aħħar 23 sena, is-Soċjetà ilha tmexxi Radju 15 ta’ Awwissu, li jxandar attivitajiet tal-lokal u tas-Soċjetà. Dan huwa importanti ħafna speċjalment għal anzjani u persuni b’diżabilità li ma jistgħux joħorġu ħafna, għax permezz tar-radju jibqgħu konnessi mal-komunità. Barra minn hekk, jagħti wkoll opportunità lil żgħażagħ voluntiera biex jitgħallmu dwar ix-xandir.
Permezz tal-investiment li sar, inxtraw tagħmir ġdid biex jitjieb il-kwalità tax-xandir. Dan jinkludi laptop għal xandir minn barra, sistema għall-ħażna tal-programmi, tagħmir għall-użu f’attivitajiet, kompjuter ġdid, sistema kontra qtugħ tad-dawl u kameras biex ix-xandir ikun ukoll viżiv.
Il-Ministru spjegat li dan l-investiment jgħin biex jinbnew komunitajiet aktar inklussivi, fejn kulħadd ikollu aċċess għall-informazzjoni u għall-ħajja soċjali. Saħqet ukoll li dawn l-inizjattivi jagħtu vuċi lil min kultant ma jinstemax biżżejjed.
Fl-2025, permezz ta’ din l-iskema tqassmu aktar minn €190,000 li wasslu biex saru 29 proġett differenti madwar Malta u Għawdex, kollha mmirati biex isaħħu l-inklużjoni fil-komunità.











